Qari tal-25 Ħadd matul is-sena

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”        25 Ħadd matul is-sena

 

IT-TJIEBA U L-ĠENEROŻITA’ TA’ ALLA


L-1 QARI – Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. – Is 55, 6-9

Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,
sejħulu sakemm hu qrib!
Ħa jħalli triqtu l-midneb,
u l-bniedem il-ħażin fehmietu;
ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih,
għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.
“Il-fehmiet tiegħi mhumiex fehmietkom,
u t-triqat tiegħi mhumiex triqatkom:
-din hi kelma tal-Mulej-
għax daqskemm huma ogħla s-smewwiet mill-art,
daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom
u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.”

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI – Salm 144 – Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu.

Kull jum imbierkek, Mulej,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kbir il-Mulej, u ta’ min ifaħħru wisq,
u l-kobor tiegħu ma jistax jitqies. R/.

Il-Mulej tajjeb u ħanin,
idum biex jagħdab, u kollu tjieba.
Twajjeb il-Mulej ma’ kulħadd,
u ħnientu akbar minn kull ma għamel. R/.

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb fl-għemil tiegħu kollu.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.

IT-2 QARI – Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin. – Fil 1, 20c-24, 27a

Ħuti: Kristu jkun imsebbaħ fil-ġisem tiegħi, sew jekk ngħix u sew jekk immut. Għax għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ. Jekk għandi nibqa’ ħaj fil-ġisem, dan ifisser li għandi nagħti l-frott tax-xogħol tiegħi. X’naqbad nagħmel ma nafx: ninsab bejn ħaltejn. Min-naħa l-waħda, nixtieq nintemm u nkun ma’ Kristu, li jkun ħafna aħjar għalija; min-naħa l-oħra, jekk nibqa’ ngħix fil-ġisem, ikun ħafna aħjar għalikom. Ħaġa waħda ngħidilkom: ġibu ruħkom kif jixraq lill-Evanġelju ta’ Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.

Alla sejħilna permezz ta’ l-Evanġelju,
biex niksbu l-glorja ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. – Mt 20, 1-16a

F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ filgħodu kmieni ħafna jsib nies għax-xogħol u jħaddimhom fil-għalqa tiegħu tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kull jum u bagħathom il-għalqa. Ħareġ ukoll madwar id-disgħa ta’ filgħodu, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla xogħol, u qalilhom, “Morru intom ukoll il-għalqa, u nagħtikom li jkun ħaqqkom”. U marru. Reġa’ ħareġ għal xi nofsinhar, u mbagħad għal xi t-tlieta, u għamel l-istess. Għall-ħabta tal-ħamsa ta’ wara nofsinhar reġa’ ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom, “Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?” Qalulu, “Ghax ħadd ma qabbadna.” Qalilhom, “Morru intom ukoll il-għalqa.”
Għal filgħaxija mbagħad sid il-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu, “Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk ta’ l-ewwel.” Ġew dawk li daħlu għax-xogħol għal xi l-ħamsa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew ta’ l-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed. Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid u jgħidu, “Dawn ta’ l-aħħar siegħa waħda għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana.” Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom, “Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehimt miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan ta’ l-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba? Hekk ta’ l-aħħar jiġu l-ewwel, u ta’ l-ewwel l-aħħar.”

Il-Kelma tal-Mulej.