Qari tad-29 Ħadd ta’ matul is-sena

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”        29 Ħadd matul is-sena

 

IN-NISRANI U S-SETGĦA CIVILI

 


L-1 QARI –  Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. – Is 45, 1, 4-6

Dan jgħid il-Mulej lill-Midluk tiegħu,
lil Ċiru, li jien wettaqtlu idu l-leminija
biex imidd ma’ l-art il-ġnus quddiemu
u jħoll il-ħżiem tas-slaten,
biex jiftħu beraħ il-bibien quddiemu
u l-bibien ma jsakkrulux:
“Minħabba f’Ġakob il-qaddej tiegħi,
u Iżrael il-maħtur tiegħi,
jiena sejjaħtlek b’ismek,
lilek għażilt, qabel ma int kont tafni.
Jien hu l-Mulej, u ħadd ma hemm għajri,
m’hemmx Alla ieħor ħliefi.
Jien ħażżimtek, qabel ma int kont tafni,
biex minn tlugħ ix-xemx sa nżulha
il-bnedmin ikunu jafu
li barra minni ma hemm xejn.
Jiena hu l-Mulej,
ma hemm ħadd ħliefi!”

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI  Salm 95 – Agħtu lill-Mulej sebħ u setgħa.

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Xandru fost il-ġnus il-glorja tiegħu,
fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu! R/.

Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru bosta,
ta’ min jibża’ minnu aktar mill-allat kollha!
Għax l-allat tal-ġnus huma kollha frugħa,
iżda l-Mulej għamel is-smewwiet. R/.

Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,
agħtu lill-Mulej sebħ u setgħa,
agħtu lill-Mulej is-sebħ ta’ ismu!
Ġibu l-offerti u idħlu fil-btieħi tiegħu. R/.

Inxteħtu quddiem il-Mulej b’żina qaddis,
triegħdu quddiemu fl-art kollha!
Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”
Huwa jiġġudika l-popli bis-sewwa.” R/.

IT-2 QARI – Bidu ta’ l-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu  – lit-Tessalonkin.
1 Tess 1, 1-5b

Pawlu u Silvanu u Timotju, lill-Knisja ta’ Tessalonika f’Alla l-Missier u Sidna Ġesù Kristu: grazzja lilkom u sliem. Aħna kull ħin niżżu ħajr lil Alla minħabba fikom ilkoll, u dejjem niftakru fikom fit-talb tagħna; niftakru fil-ħidma li hi ġejja mill-fidi tagħkom u fit-taħbit li ħiereġ mill-imħabba tagħkom; niftakru, quddiem Alla Missierna, fil-qawwa tat-tama tagħkom f’Sidna Ġesù Kristu.
Aħna nafu, ħuti maħbubin minn Alla, li huwa sejħilkom; għax l-Evanġelju tagħna ma seħħx fostkom bil-kliem biss, iżda wkoll b’għemil ta’ qawwa u bl-Ispirtu s-Santu u b’ħafna persważjoni.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.

Alla sejħilna permezz ta’ l-Evanġelju,
biex niksbu l-glorja ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. – Mt 22, 15-21

F’DAK IŻ-ŻMIEN: Il-Fariżej marru u qabdu jiftiehmu bejniethom biex jaraw kif jonsbu ’l Ġesù b’xi kelma. U bagħtulu d-dixxipli tagħhom ma’ xi Erodjani u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li inti raġel tħobb is-sewwa, u li t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares. Għidilina ħaġa, mela, int x’jidhirlek? Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?
Imma Ġesù għaraf il-ħażen ta’ moħħhom, u qalilhom: “Għaliex tridu ġġarbuni, ja wċuh b’oħra? Uruni l-munita tat-taxxa.” Urewh dinar, u Ġesù staqsiehom: “Ta’ min hu dan il-wiċċ u din il-kitba?” Qalulu: “Ta Ċesari!” Imbagħad qalilhom: “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.”

Il-Kelma tal-Mulej.