Qari tat-30 Ħadd ta’ matul is-sena

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”        30 Ħadd matul is-sena

 

L-IMĦABBA TA’ ALLA U L-IMĦABBA TAL-PROXXMU

 

 

L-1 QARI  – Qari mill-Ktieb ta’ l-Eżodu. – Eż 22, 20-26

Dam jgħid il-Mulej: La taħqarx ’il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll kontu barranin fl-art ta’ l-Eġittu. La taħqrux ’l-armla u ’l-iltim għax jekk taħqruhom, u huma jsejħuli, jien żgur nismagħha l-għajta tagħhom, u l-qilla tiegħi tixgħel, neqridkom bis-sejf, u n-nisa tagħkom jormlu u wliedkom jisfgħu ltiema.
Jekk inti tislef lil xi fqir mill-poplu tiegħi, iġġibx ruħek miegħu bħal wieħed li jislef, u teħodlux imgħax. Jekk lil għajrek teħodlu l-libsa tiegħu b’rahan, agħtihielu lura qabel inżul ix-xemx, għax hu dik biss għandu biex jitgħatta, dik biss il-għata ta’ ġismu: inkella fiex tridu jorqod? Għax jekk isejjaħli, jiena nisimgħu, għax jien ħanin.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI – Salm 17 – Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi.

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!
Mulej, blata tiegħi,
fortizza tiegħi, ħellies tiegħi! R/.

Alla tiegħi, sur tiegħi, li fih nistkenn,
tarka tiegħi, saħħa tas-salvazzjoni tiegħi, kenn tiegħi!
Insejjaħ lill-Mulej, li hu ta’ min ifaħħru,
u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi. R/.

Ħaj il-Mulej! Ikun imbierek, hu l-blata tiegħi;
ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi.
Hu jagħti r-rebħ lis-sultan tiegħu,
u juri mħabbtu lill-midluk tiegħu. R/.

IT-2 QARI – Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu  lit-Tessalonkin. 1 Tess 1, 5ċ-10

Ħuti: Tafu intom kif ġibna ruħna fostkom għall-ġid tagħkom. U intom sirtu tixbhu lilna u lill-Mulej, u l-kelma lqajtuha bil-ferħ ta’ l-Ispirtu s-Santu, minkejja tbatijiet ta’ kull xorta. U b’hekk intom sirtu eżempju għal dawk kollha li laqgħu t-twemmin fil-Maċedonja u fl-Akaja.
Għax il-kelma tal-Mulej xterdet minn għandkom fil-Maċedonja u fl-Akaja, u mhux dan biss, iżda wkoll l-aħbar tal-fidi tagħkom f’Alla xterdet ma’ kullimkien, hekk li m’hemmx għalfejn nitkellmu fuq dan. U huma stess jgħidu x’laqgħa għamiltulna meta ġejna fostkom, u kif intom dortu lejn Alla mill-idoli biex taqdu lil Alla l-ħaj u veru u tistennew lil Ibnu ġej mis-smewwiet, li hu qajjem mill-imwiet, Ġesù li ħelisna mill-korla ta’ Alla li għad trid tiġi.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.

Missier Sidna Ġesù Kristu
idawlilna l-għajnejn ta’ qalbna,
biex nagħarfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħna.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. – -Mt 22, 34-40

F’DAK IŻ-ŻMIEN: Meta l-Fariżej semgħu kif Ġesù kien saddilhom ħalqhom lis-Sadduċej, inġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu mistoqsija biex iġarrbu: “Mgħallem, liema hu l-akbar kmandament fil-Ligi?”
U hu wieġbu: “Ħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.” Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Il-Liġi kollha u l-profeti, fuq dawn iż-żewġ kmandamenti huma mibnija.”

Il-Kelma tal-Mulej.