Rifflessjoni ta' 13 -il Ħadd tas-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana
Meta kont żgħir, ma kontx xi wieħed li nistenna wisq l-isports day li kienet issir ta’ kull sena fl-iskola. Ħafna mit-tlielaq li kienu jsiru kont naħrabhom, imma mhux hekk fil-każ tat-tug of war; kont nidħol għalija b’ruħi u ġismi. Niftakar dak l-ħabel miġbud minn żewġ timijiet u r-rebħa kienet tkun għal min jirnexxielu jiġbed lit-tim l-ieħor. Mhux l-ewwel darba li ħraqt idejja bil-ġbid tal-ħabel! F’tug of war, iż-żewġ timijiet jiġbdu f’direzzjonijiet differenti: min jiġbed naħa u min jiġbed oħra. U ħafna drabi jibqgħu fl-istess post għal ħin twil, minkejja li kulħadd ikun qed jagħmel ħiltu kollha; sakemm fl-aħħar ikun hemm min jibda jgħajja u jċedi.
Li tkun dixxiplu tal-Mulej tirrikjedi li tiġbed l-istess ħabel mal-Mulej b’saħtek kollha, imma mhux li tidħol f’tug of war. Ma nistgħux niġbdu f’direzzjonijiet differenti, għax jekk nagħmlu hekk nibqgħu fl-istess post, sakemm fl-aħħar ngħajjew u nċedu. Faċli nsibu lilna nfusna f’taqbida bejn żewġ imħabbiet: Kristu u persuni oħra (inkluż il-membri tal-familja tagħna), Kristu u oġġetti oħra li nippossedu, Kristu u l-karriera tagħna, Kristu u l-interessi tagħna nfusna. Dawn il-forzi jistgħu jieħduna f’direzzjonijiet differenti, u għalhekk ma jħalluniex navvanzaw fil-mixja tagħna; isiru għalina irbit. U kull irbit jista’ jkun xkiel. Niftakar darba rajt għasfur li prova jtir imma ma setax, intbaħt li kellu ħajta ma saqajh għax kien f’mansab; in-nassab rabtu biex jitħarrek imma jibqa’ fl-istess post. Kultant il-persuni għeżież tagħna, l-ġid li nippossedu, l-ambizzjonijiet u l-interessi tagħna jsiru rbit li ma jħalluniex intiru, ma jħalluniex ningħataw totalment għal Ġesù. Għalhekk Ġesù llum jgħidilna: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqlux li jkun miegħi. " Donnu qed jgħidilna; iġbdu ħabel wieħed miegħi fid-direzzjoni li nimxi jien u jkollkom fikom l-imħabba.
Li timxi wara Ġesù titlob deċiżjoni serja, u bħal kull deċiżjoni kbira li nieħdu f’ħajjitna, hemm bżonn li nagħmlu ‘risk assesment’. Inqisu x’se nitilfu, x’jista’ jiġri, x’inhuma l-implikazzjonijiet, insomma fi kliem ieħor noqgħodu ħafna attenti biex ma jiġrilniex li nfallu! Fir-‘risk assesment’ tad-dixxipulat ta’ min ninnotaw li jekk inpoġġu lil Ġesù bħala l-ewwel imħabba tagħna, mhux talli ma nieħduhiex kontra l-ġenituri, l-ulied, il-ħbieb u persuni oħra, imma nsiru nħobbuhom aktar għax fihom naraw lil Kristu. Jekk nerfgħu salibna u nimxu wara Ġesù, mhux talli ma nitilfux kollox, imma jkollna kollox. Inħarsu lejn il-profeta Eliżew, telaq kollox biex jaqdi lil Alla u sab min jieqaf miegħu. Mara barranija kienet tilqgħu għandha u flimkien ma’ żewġha bnietlu appartament fejn joqgħod – dak li ħalla daru biex imur ixandar l-kelma ta’ Alla, sab dar ġdida tistennieh. San Pawl fl-ittra lir-Rumani jfakkrna li fil-magħmudija tagħna aħna mitna ma’ Kristu biex ngħixu ma’ Kristu. Min jinżel fil-qabar ma’ Kristu ma jibqax fil-qabar imma miegħu jirxoxta u jgħix għal dejjem. Tidher kontradizzjoni, imma mhix. Għax f’din il-mewt, li qed isemmi San Pawl, jinqered biss id-dnub (l-irbit), ħalli nkunu nistgħu ngħixu għal Alla.
Fil-konsiderazzjoni tad-deċiżjoni tad-dixxipulat nikkonsidraw ukoll il-ħlas: Ġesù jgħid li min jilqa’ profeta, min jilqa’ bniedem ġust, jieħu l-ħlas ta’ profeta, jieħu l-ħlas ta’ wieħed ġust. U “min jagħti mqar tazza ilma friska lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu.” Il-ħlas li jagħti Ġesù hi l-ħajja ta’ dejjem. U x’hemm aktar importanti milli tgħix u tgħix għal dejjem? Ejjew għalhekk nagħmlu tassew deċiżjoni serja. Ma ngħixux il-fidi tagħna b’nofs kedda, ma nagħmlux kompromessi, ma nħallux forzi differenti jieħduna f’direzzjonijiet differenti imma npoġġu l-forzi tagħna kollha f’direzzjoni waħda – dik ta’ Ġesù. Inħallu mħabba waħda timla’ l-qalb tagħna: dik lejn Alla l-imbierek.