Rifflessjoni ta' 18 -il Ħadd tas-sena Liturġika
“Kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal." L-evanġelista jidher li qed jagħtina dettal żejjed f’dan ir-rakkont tat-tkattir tal-ħobż. Qisu qed jagħtina riżultat ta’ ċensiment, imma li fih għadd biss lill-irġiel. Min huma l-irġiel? Fil-kultura ta’ żmien Ġesù, kif ukoll f’diversi kulturi ta’ żminijiet aktar qrib tagħna, l-irġiel kienu meqjusa bħala dawk li kollox jiddependi minnhom; kienu jaħdmu u jiprovdu għall-familja tagħhom, kellhom responsabiltajiet ta’ tmexxija fis-soċjetà, kienu jqisu ruħhom li huma tal-kelma, kienu dawk li kienu jaħsbu li huma xi ħadd. Minkejja li llum l-affarijiet inbidlu għax qed nagħtu mportanza kbira lill-ugwaljanza, xorta għadna nsibu min jaħseb li hu raġel, għax jaħseb li kollox jiddependi minnu; hawn min jaħseb li mnalla jkun hu! Imma m’hemmx għalfejn tkun maskili biex taħseb li int ‘raġel’ f’dan is-sens, tista’ tkun ukoll tkun mara! Għax jekk tħossok hemm fuq, jekk tħoss li dejjem inti tajjeb, jekk tħoss li dejjem għandek raġun, jekk tħoss li ħadd ma jista’ għalik u ħadd ma jagħmillek il-bżieq fuq imnieħrek, jekk int taħseb li qatt ma għandek bżonn lil ħadd, eċċ, allura int wieħed/waħda minn dan il-5000 raġel.
Imma f’dan ir-rakkont naraw kif dawn l-irġiel sabu ruħhom ukoll fil-bżonn; dawk li kienu dejjem jipprovdu l-ikel lill-familja tagħhom sabu ruħhom bla ħobż, dawk li ma kien jonqsohom xejn, sabu ruħhom fil-bżonn. F’dan il-mument Ġesù provda wkoll lil dawn l-irġiel, billi ħa l-ftit ħobż u ħut li kellhom id-dixxiplu u temagħhom permezz tagħhom; ħa dan l-ikel umli biex jitma’ lill-kburin u b’hekk jurihom il-bżonn li jiċċeknu; jurihom il-bżonn li jwarrbu l-kburija tagħhom biex jkunu kapaċi jilqgħu u jirċievu kollox minn idejn Alla.
Fl-ewwel qari tal-lum, il-Mulej jagħmel stedina u jgħidilna ejjew ixorbu u kulu b’xejn. Il-Mulej jaf li lkoll aħna fil-bżonn u ħadd minnha ma hu self sufficient; ilkoll neħtieġu l-għajnuna ta’ Alla. Alla ma hu qed jistenna xejn mingħandna, dak li jagħtina jagħtiulna ‘gratis’ – b’xejn. Il-kelma ‘gratis’ tfakkarna fil-grazzja. Alla jagħtina l-grazzja tiegħu bla ma jipretendi xejn mingħandna. Din l-grazzja hi ċ-ċavetta li permess tagħha nistgħu nidħlu fid-dar tal-Missier, ċavetta li hu qed jafdalna f’idejna anke jekk aħna ġieli nqasnieh. Li hemm bżonn min-naħa tagħna hu biss li nwieġbu għall-istedina biex nersqu u nidħlu għandu: “ersqu lejja” jgħidilna, “isimgħu u tieħdu r-ruħ.” F’din id-dar insibu dak kollu li għandna bżonn: l-ikel u x-xorb kemm neħtieġu. Għalkemm hi kelma sabiħa, diffiċli li vera nifhmu dak li Alla qed jgħidilna, għax l-esperjenza tagħna hi li ħadd ma jagħtik xejn għal xejn. Għal ħafna minnha diffiċli li nirċievu b’xejn; forsi nħossu li ma jixirqilniex, jew li nħossu li hi umiljanti li tieħu xi ħaġa b’xejn. Għalhekk il-Mulej illum qed jgħinna nagħrfu li aħna maħbuba minnu mhux għax jixirqilna imma għax ħares lejna u ħabbna kif aħna. Qed jgħinna nagħrfu li aħna fil-bżonn tal-imħabba tiegħu. Meta nesperjenzaw din l-imħabba tiegħu; ngħidu ma’ San Pawl: ‘min jista’ jifridna mill-imħabba ta’ Alla? – xejn u ħadd. L-ebda taħbit, dwejjaq, l-ebda problema, l-ebda marda ma tista’ jwassal biex itemm l-imħabba ta’ Alla lejna u l-anqas l-imħabba tagħna lejh.
Ejjew nitgħallmu nirċievu b’xejn mingħand Alla. Ejjew nagħrfu li aħna fil-bżonn ta’ din l-grazzja tiegħu biex nesperjenzaw l-imħabba bla tarf tiegħu.