Riflessjoni għat-33 Ħadd tas-sena Liturġika
Minn Dun Bastjan Caruana
Kull negozju, kull għaqda, kull kumpanija serja tara li żżomm il-kotba tal-finanzi aġġornati u tal-inqas darba fis-sena tagħmel rendikont tad-dħul u tal-infieq biex tkun taf kif inhi sejra, xi profitti hemm, jew biex tara jekk l-għan tagħha hux jiġi milqugħ. Ħafna drabi dawn ir-rendikonti jagħddu wkoll f’idejn awdituri biex jikkofermaw li kollox sar u qed isir kif suppost. Wieħed jistenna li wara ħafna ħidma jkun sar profit. Ħafna drabi dan il-profit ma jieħduħx il-ħaddiema, li jkunu ħadmu għalih, imma jibqa’ fl-istess kumpanija biex tkabbar l-operat tagħha. Madanakollu l-ħaddiema wkoll igawdu minn dan il-profit, għax aktar ma tissaħħah il-kumpanija aktar ikollhom xogħolhom fi żgur u jserħu rashom li mhux se jispiċċaw barra bla xogħol.
Donnu llum fil-parabbola li għandna quddiemna, Ġesù qed jgħidilna biex naħsbu bil-moħħ ta’ negozjant. Sakemm indunu fuq din l-art, nistennew it-tieni miġja tiegħu, iridna nagħmlu profitti minn dak li jafdalna f’idejna, mhux għalina nfusna imma biex fl-aħħar nagħdduhom lis-sinjur. Dan iwassalna biex nidħlu fl-hena ta’ Sidna. Fil-parabbola tat-talenti nsibu li sew dak li kellu ħames talenti u sew l-ieħor li kellu żewġ talenti, irdupjawhom bil-ħidma tagħhom. Fl-aħħar għaddewhom lis-sinjur tagħhom, bla ma żammew xejn għalihom, imma huma daħlu fl-hena ta’ sidhom. Għal kuntrajru dak li ġie afdat b’talent wieħed, iddeċieda li jieħu triq oħra; ma għamel ebda profit bih u bil-għażż tiegħu tilef kollox, tilef iż-żmien, tilef kull profit u tilef iċ-ċans li jidħol fil-hena ta’ sidu għax baqa’ barra.
Quddiem din l-parrabbola rridu niftakkru li:
- Alla qed jafdalna ħafna ġid: hemm bżonn li dan l-ġid nindunaw bih u nagħrfu l-valur tiegħu. Fl-istess ħin nagħrfu kemm Alla jafdana. Talent ma kienx somma żgħira (jiswa’ 'l fuq minn miljun euro, qisu ekwivalenti għal 33 kilo deheb). Immaġina ftit li tiġi afdat b’milju euro – x’fiduċja jkollhom fik!
- Ftakar x’responsabiltà għandek quddiem dan il-ġid. X’tagħmel bih? Importanti li ma taħlix u ma tberbaqx dak li mhux tiegħek, imma tagħmel l-aħjar minnu. Faċli quddiem dan il-ġid kollu timtelgħa b’biża’ u anzjetà għax tibża li titilfu, imma ejjew niftakru f’dak li kellu talent wieħed u ħalla l-biża’ tmexxih! Spiċċa tilef kollox għax ma għamel xejn b’dak il-ġid. Għalhekk ma nħallux il-biża’ żżommna lura milli nagħmlu li nistgħu biex nimxu 'l quddiem.
- Xi darba se tintalab renidikont ta’ kif qed tuża dak li mhux tiegħek. Għalhekk, għandna nibqgħu attenti kontinwament, kif ikun attent negozjant tul is-sena kollha biex jara kif sejjer l-andament tan-negozju tiegħu.
Fi kliem ieħor il-kelma ta’ Alla llum qed twassalna biex nirriflettu dwar kif qed nużaw iż-żmien u l-ħin, kif qed nużaw saħħitna u l-enerġija tagħna, kif qed nużaw il-kapaċitajiet u l-kwalitajiet tagħna. Fl-ewwel qari għandna kliem ta’ tifħir għal dik l-mara ta’ ħila, li tiproduċi u tirsisti għall-familja tagħha. Imma mhux biss, bil-ħidma tagħha tgħin ukoll lill-fqir u lill-imsejken. Illum jaħbat ukoll il-jum dinji tal-foqra. Hu jum li jrid ifakkarna fir-responsabbilità tagħna li naqsmu mal-foqra minn dak li Alla qed jafdana bih. Meta ngħinu lill-foqra ma nkunux qed innaqsu xejn minn dak li hu tagħna, anzi nkunu qed inkattru l-profitti tagħna. Il-profitti ta’ din l-mara għaqlija ma kienux jidhru fi flus, f’ammonti li tista’ tgħoddhom, madanakollu tiswa ħafna aktar mill-ġawhar.
Mhux l-ewwel darba li nisimgħu min jgħidilna li mhux kemm taħdem jgħodd imma dak li tkun. Hekk hu, imma rridu niftakkru li l-ħidma tagħna tibnina u tagħmilna dak li aħna – tagħtina identità. Għal kuntrajru l-għażż jeqridna u ma jħalliniex nikbru f’persuni aħjar. Il-kundanna tar-raġel li kellu talent wieħed kienet din: li kien għażżien, beżżiegħ u traskurat. Niftakru, għalhekk, li x-xogħol hu grazzja għax jagħtina sehem mill-ħidma ta’ Alla. Meta Alla ħalaq il-bniedem afdalu f’idejh lid-dinja biex jieħu ħsiebha. Illum ejjew nieqfu ftit u bħan-negozjant għaqli, nagħmlu rendikont ta’ kif qed nużaw il-ġid li Alla qed jafdalna. Għadna fiċ-ċans li nirrinġaw dak li hemm bżonn nirranġaw biex nagħmlu profitti akbar.