Qari tad-19 il-Ħadd ta’ Matul is-sena

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”        19 il-Ħadd matul is-sena

DIFFIKULTAJIET FIL-ĦAJJA NISRANIJA


L-1 QARI – Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten. – 1 Slat 19, 9a, 11-13a

F’DAK IŻ-ŻMIEN: Elija wasal fil-Ħoreb, il-muntanja ta’ Alla. Hemmhekk daħal fil-għar u għadda l-lejl ġo fih. Imbagħad il-Mulej qallu: “Oħroġ, u oqgħod fuq il-muntanja quddiem il-Mulej.”
U ara, il-Mulej għadda: riħ qawwi, b’saħħa li jofroq il-muntanji u jfarrak il-blat, għadda quddiem il-Mulej; imma l-Mulej ma kienx f’dak ir-riħ. U wara dan ir-riħ theżżet l-art, imma l-Mulej ma kienx f’dik it-theżżiża. U wara t-theżżiża kien hemm nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar. Wara n-nar inħasset żiffa ħelwa. Elija, kif ħassha, għatta wiċċu bil-mantell, ħareġ barra u waqaf f’bieb il-għar. ”

Il-Kelma tal-Mulej.

 

SALM RESPONSORJALI – Salm 84 – Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

Ħa nisma’ x’jgħid Alla l-Mulej,
għax hu jitkellem fuq is-sliem.
Qrib tassew is-salvazzjoni tiegħu
għal dawk li jibżgħu minnu,
biex tgħammar il-glorja f’artna. R/.

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
il-ħaqq u s-sliem jitbewsu;
is-sewwa mill-art jinbet,
u l-ħaqq mis-sema jittawwal. R/.

Il-Mulej jagħti l-ġid,
u artna l-frott tagħha;
il-ħaqq quddiemu jimxi,
u s-sliem fi triq il-mixi tiegħu. R/.
 


IT-2 QARI – Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani. – Rum 9, 1-5

ĦUTI: Ngħidilkom is-sewwa fi Kristu, m’iniex nigdeb, texhidli l-istess kuxjenza tiegħi fl-Ispirtu s-Santu, li jiena mnikket għall-aħħar, il-ħin kollu qalbi maqsuma, għax nixtieq li jiena nnifsi kont maqtugħ minn Kristu minħabba f’ħuti, nies ġensi skond il-ġisem, li huma l-Iżraelin. Tagħhom hija l-adozzjoni u s-sebħ, u l-pattijiet u l-liġi, u l-liturġija u l-wegħdiet; tagħhom huma l-patrijarki; u kien minnhom li, skond il-ġisem, ħareġ Kristu, li hu fuq kollox, Alla mbierek għal dejjem. Amen!
Il-Kelma tal-Mulej.

 

VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Il-mogħdijiet tiegħek, Mulej, għarrafni,
mexxini fis-sewwa tiegħek.
Hallelujah.

 

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. – Mt 14, 22-33

WARA LI N-NIES KIELU U XEBGĦU, Ġesù minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat in-nies. Wara li bagħat in-nies, tela’ waħdu fuq il-għoljiet biex jitlob.
Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu; id-dgħajsa kienet diġa f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantasma!” qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’.
Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!” Wieġbu Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.” “Ejja”, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, beża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani Mulej!” Malajr Ġesù medd idu u qabdu: “Bniedem ta’ fidi żgħira,” qallu, “għaliex iddubitajt?”
Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa xteħtu quddiemu u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”

Il-Kelma tal-Mulej.