Qari tal-20 Ħadd ta’ matul is-sena

IS-SALVAZZJONI HI GĦAL KULL MIN JEMMEN

20 Ħadd ta’ Matul is-sena              Sena A


L-1 QARI – Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. – Is 56, 1.6-7

Dan jgħid il-Mulej:
ŻOMMU S-SEWWA w agħmlu l-ġustizzja, għax is-salvazzjoni tiegħi għoddha waslet, u l-ġustizzja tiegħi dalwaqt isseħħ. Ulied il-frustier li ntrabtu mal-Mulej biex jaqduh, u biex iħobbu isem il-Mulej u jkunu qaddejja tiegħu, kull min iħares is-Sibt u ma jiksrux u jzomm sħiħ fil-patt tiegħi, lil dawn inwassalhom sal-muntanja mqaddsa tiegħi, u nferraħhom fid-dar tat-talb tiegħi; il-vittmi maħruqa u s-sagrifiċċji tagħhom ikunu jogħġbuni tiegħla minn fuq l-altar tiegħi, għax dari “dar it-talb” tissejjaħ għall-popli kollha.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI – Salm 66 – Ifaħħruk il-popli kollha, o Alla.

Iħenn għalina Alla u jberikna,
idawwal wiċċu fuqna!
Ħa tingħaraf triqtek fuq l-art,
u fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek. R/.

Jithennew il-ġnus u jgħajtu bil-ferħ,
għax int tagħmel ħaqq mill-popli bis-sewwa,
u tmexxi l-ġnus fuq l-art. R/.

Ifaħħruk il-popli, o Alla,
ifaħħruk il-popli kollha.
Ħa jberikna Alla,
u ħa jibżgħu minnu t-trufijiet kollha ta’ l-art. R/.

IT-2 QARI – Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani. – Rum 11, 13-15, 29-32

ĦUTI: Ngħid lilkom il-ġnus. Sakemm jiena appostlu tal-ġnus, nibqa’ nagħmel ġieh lill-ministeru tiegħi, biex forsi nqajjem il-għira ta’ ġensi, u hekk insalva lil xi wħud minnhom. Għax jekk it-twarrib tagħhom ġieb is-sliem lid-dinja, l-ilqugħ tagħhom mill-ġdid x’ikun ifisser jekk mhux ħajja mill-imwiet? Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa tiegħu.
Bħalma fl-imgħoddi intom lil Alla ma kontux tobduh, u issa, minħabba fid-diżubbidjenza tagħhom, sibtu l-ħniena tiegħu, hekk issa huma, minħabba fil-ħniena li sibtu intom mingħandu, mhumiex jobduh, ħalli huma wkoll, meta jkun imisshom, isibu l-ħniena. Għax Alla ħalla ’l kulħadd fil-jasar tad-diżubbidjenza, biex jagħmel ħniena ma’ kulħadd.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.

Missier Sidna Ġesù Kristu
idawlilna l-għajnejn ta’ qalbna,
biex nagħarfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħna.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. Mt 15, 21-28

F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David: binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna.” Iżda hu ma weġibhiex kelma.
Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna.” Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-ngħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Israel.”
Iżda hi resqet, nxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni, Mulej!” Hu weġibha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż ta’ l-ulied u tixħtu lill-ġriewi.” “Hekk hu, Mulej,” qaltlu; “iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!”
Imbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq.” U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.”

Il-Kelma tal-Mulej.