Qari tal-21 Ħadd ta’ matul is-Sena

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”        21 il-Ħadd matul is-sena

IL-PAPA: SUĊĊESSUR TA’ PIETRU

 

L-EWWEL QARI – Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija – Is 22. 19-23

Dan igħid il-Mulej lil Sebna, dak li jieħu ħsieb il-palazz tas-sultan: “Jiena nwarrbek mill-uffiċċju tiegħek u nniżżlek minn postok. Għad jasal iż-żmien meta nsejjaħ lill-qaddej tiegħi Eljaqim, bin Ħilqija, u llibbsu lbiesek, inħażżmu bit-terħa tiegħek, u nagħtih is-setgħa tiegħek. Hu jkun missier għal min igħix f’Ġerusalem u għad-dar ta’ Ġuda. Inqiegħed fuq spallejh il-muftieħ tad-dar ta’ David: jiftaħ, u ħadd ma jagħlaq; jagħlaq, u ħadd ma jiftaħ. U nwaħħlu bħal musmar fis-sod, u jkun tron glorjuż għall-familja ta’ missieru.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

 

SALM RESPONSORJALI Salm 137 – It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem.

Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,
quddiem l-anġli rrid ngħannilek.
Ninxteħet quddiem it-tempju mqaddes tiegħek. R/.

Irrodd ħajr lil ismek
għat tjieba tiegħek u għall-fedelta’ tiegħek.
Fil-jum li fih sejjaħtlek, smajtni,
kattartli l-qawwa f’ruħi. R/.

Kbir hu l-Mulej, imma ħsieb iż-żgħar jieħu,
waqt li l-kburin mill-bogħod iħares lejhom.
It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;
la titlaqx egħmil idejk. R/.

 

IT-TIENI QARI – Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani – Rum 11, 33-36

Ħuti: Kemm huma kbar il-għana, il-għerf u l-għaqal ta’ Alla! Kemm tassew ħadd ma jista’ jgħarbel il-ġudizzji tiegħu u jifhem it-triqat tiegħu! Għax min qatt għaraf moħħ il-Mulej? Min qatt kien il-kunsillier tiegħu? Min qatt kien hu l-ewwel li tah xi ħaġa hekk li jkun ħaqqu l-ħlas tagħha? Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih. Lilu l-glorja għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

 

HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.

Infaħħrek, Mulej, Sid is-sema u l-art,
għax int għarraft liż-żgħar il-misteri tas-saltna.
Hallelujah.

 

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.  – Mt 16, 13-20

F’dak Iż-żmien: Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesu staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “In-nies min igħidu li hu Bin il-bniedem?’’ U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti.’’
“Imma intom, min tgħidu li jien?’’ staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.’’ U Ġesu’ wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun, bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi u s-setgħat ta’ l-infern ma jegħelbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.’’ Imbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li huwa l-Messija.

Il-Kelma tal-Mulej.
It-Tifħir Lilek Kristu.