Qari tal-Liturġija tas-17 il-Ħadd ta’ matul is-sena

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”        17 il-Ħadd matul is-sena

 

IT-TEŻOR TA’ ĦAJJITNA



L-1 QARI – Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten. – 1 Slat 3, 5-6a, 7-12

F’DAK IŻ-ŻMIEN: Il-Mulej deher lil Salamun fil-ħolm bil-lejl. “Itlobni xi ħaġa x’nagħtik,” qallu Alla. U wieġbu Salamun: “Mulej Alla tiegħi, lili qaddej tiegħek għadek kemm qegħidtni sultan flok David missieri. Iżda jiena għadni daqsxejn ta’ żagħżugħ, bla ma naf mnejn għandi ngħaddi. Il-qaddej tiegħek sab ruħu f’nofs dan il-poplu li inti għażilt, poplu hekk kotran li ħadd ma jista’ jgħoddu biex isir jaf kemm fih. Agħti, għalhekk, lill-qaddej tiegħek moħħ li malajr jifhem, biex jista’ jmexxi l-poplu tiegħek, u jagħraf it-tajjeb mill-ħażin; għax inkella min jasal biex imexxih, dan il-poplu tiegħek ta’ kotra hekk kbira?”
Il-Mulej ħa gost li Salamun talab dil-ħaġa. Għalhekk Alla qallu: “Ladarba tlabt dil-ħaġa, u ma tlabtx ħajja twila jew ħafna ġid, u anqas ma tlabt il-qerda ta’ l-għedewwa tiegħek, imma tlabt li tagħraf tifhem kif għandek tmexxi, ara, se nagħmel kif għidt int. Ara, qiegħed nagħtik moħħ għaref u għaqli, hekk li ħadd qablek ma kien hawn bħalek, u anqas warajk ma jkun hawn.”
Il-Kelma tal-Mulej.

 

SALM RESPONSORJALI – Salm 118 – Kemm inħobbha l-liġi tiegħek, Mulej.

Sehmi hu, Mulej, jien għidt,
li nħares il-kelma tiegħek.
Tajba għalija l-liġi ta’ fommok,
aqwa mill-eluf ta’ deheb u fidda. R/.

Ħa tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi,
skond il-wegħda tiegħek lill-qaddej tiegħek.
Ħa tilħaqni t-tjieba tiegħek biex ngħix,
għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi. R/.

Għalhekk ħabbejt il-kmandamenti tiegħek,
aktar mid-deheb, u mid-deheb l-aktar fin.
Għalhekk lejn il-preċetti tiegħek kollha nimxi;
nobgħod kull triq qarrieqa. R/.

Tal-għaġeb huma l-preċetti tiegħek;
għalhekk tħarishom ruħi.
It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl,
ifiehem lil min hu bla għerf. R/.

 

IT-2 QARI – Qari mill- Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani. – Rum 8, 28-30

ĦUTI: Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, f’kollox jaħdem id f’id magħħom għall-ġid, ma’ dawk li huma msejħin skond il-providenza tiegħu.
Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu sura xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li ippredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, sebbaħhom ukoll.

Il-Kelma tal-Mulej.

 

VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Iftaħli għajnejja, Mulej,
ħa nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.
Hallelujah.

 

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. – Mt 13,44-52

F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik il-għalqa.
Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah ukoll lil wieħed negozjant ifittex ġawhar fin, meta sab waħda tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.
Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah ukoll lil xibka mixħuta l-baħar li fiha jinġabar minn kollox. Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħeda, jiġbru fil-kannestri dak li hu tajjeb u jarmu l-ħażin. Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mit-tajbin, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.
Kollu fhimtuh dan?” “Iva”, qalulu. U hu qalilhom: “Għalhekk kull imgħallem tal-Liġi li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed Sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim.”

Il-Kelma tal-Mulej.