ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”        26 Ħadd matul is-sena

 

NIDDEĊIEDU FIL-KUXJENZA


L-1 QARI Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel. – Eż 18, 25-28

Dan jgħid il-Mulej: Intom għidtu: Mhix sewwa l-imġiba tal-Mulej! Issa isimgħu, dar Iżrael: Forsi l-imġiba tiegħi mhix sewwa? Mhux l-imġiba tagħkom li mhix sewwa?
Jekk wieħed ġust jitbiegħed mill-ġustizzja tiegħu u jagħmel il-ħażen u jmut minħabba fih, minħabba fi ħżunitu jkun miet. Imma jekk il-midneb jerġa’ lura mid-dnub u jagħmel is-sewwa u l-ġustizzja, hu jsalva ruħu, għax ikun intebaħ u reġa’ lura mid-dnubiet kollha li jkun għamel, u jibqa’ ħaj u ma jmutx.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI – Salm 24 – Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, Mulej.

Triqatek, Mulej, urini,
il-mogħdijiet tiegħek għarrafni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.
Għalik jien nixxennaq il-jum kollu. R/.

Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, Mulej,
għax huma minn dejjem.
La tiftakarx fil-ħtijiet ta’ żgħożiti
jew fi dnubieti;
ftakar fija int skond tjubitek,
minħabba fil-ħlewwa tiegħek, Mulej. R/.

Twajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri t-triq lill-ħatjin,
imexxi l-imsejknin fis-sewwa,
jgħallem triqtu lill-fqajrin. R/.

IT-2 QARI – Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin. – Fil 2, 1-11

Ħuti: Jekk hemm xi faraġ fi Kristu, jekk hemm xi kelma ta’ ħlewwa fl-imħabba, jekk hemm xi xirka fl-Ispirtu, jekk hemm xi ħniena u mogħdrija, kunu fehma waħda u ferrħuni. Ħa jkollkom l-istess imħabba, u kunu ruħ waħda u ħsieb wieħed.
Tagħmlu xejn bl-ambizzjoni, anqas għall-frugħa; kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu. Tfittxux kull wieħed li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor. Aħsbu bħal ma kien jaħseb Kristu Ġesù: hu li, għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma tneżża’ minn kollox, billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħal bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem, biex fl-isem ta’ Ġesù, fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art, il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkobbtejhom, u kull ilsien jistqarr: “Ġesù Kristu hu l-Mulej għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.

Il-preċetti tiegħek, Mulej, ta’ min joqgħod fuqhom,
imwettqin għal dejjem ta’ dejjem.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. – Mt 21, 28-32

F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Intom x’jidhrilkom? Wieħed raġel kellu żewġ ulied; resaq fuq il-kbir u qallu, ‘Ibni, llum mur aħdem il-għalqa tad-dwieli.’ Dak qallu, ‘Ma rridx.’ Iżda mbagħad biddel il-fehma u mar. Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. ‘Arani sejjer, sinjur’, wieġbu dan; u ma mar xejn. Min minnhom it-tnejn għamel ir-rieda tal-missier?”
“Ta’ l-ewwel,” weġbuh. “Tassew, ngħidilkom,” qalilhom Ġesù, “illi l-publikani u n-nisa tat-triq jaslu qabilkom fis-saltna ta’ Alla. Għax Ġwanni ġie lejkom fit-triq tal-ġustizzja, u intom ma emmintuhx. Il-publikani u n-nisa tat-triq emmnuh; iżda intom, għad li rajtuhom, bqajtu sa l-aħħar ma biddiltux fehmitkom biex temmnuh.”

Il-Kelma tal-Mulej.

 

 


Leave a Reply