Qari tat-22 Ħadd ta’ matul sena

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”        22 il-Ħadd matul is-sena

 

FIT-TRIQ TAS-SALIB



L-1 QARI – Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija. – Ġer 20, 7-9

Qarraqtni, Mulej, u jiena tqarraqt: kont aqwa minni, u għelibtni. Jien sirt id-daħk ta’ kuljum, kulħadd jiddieħak bija. Kull meta nitkellem, jiena ngħajjat u nxandar, “Moħqrija u ħsara!” Il-kelma tal-Mulej saret għalija tagħjir u tmaqdir kuljum. U jien għidt: “Ma nsemmihx aktar, ma nitkellimx aktar f’ismu.” Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmi. Għejejt inżommu, ma niflaħx aktar għalih.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI
Salm 62
Għalik għatxana ruħi, Mulej, Alla tiegħi.

O Alla, int Alla tiegħi!
Għalik inbakkar jiena.
Għalik għatxana ruħi,
ġismi qed inin għalik,
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma. R/.

Irrid niġi naħseb fik fit-tempju,
biex nara s-setgħa tiegħek u l-glorja tiegħek.
Għax il-grazzja tiegħek aħjar mill-ħajja,
xofftejja jfaħħruk. R/.

Hekk inbierkek ħajti kollha,
u f’ismek nerfa’ idejja.
Bħalma jien nimtela b’ikel li jsemmen,
hekk fommi jgħanni b’xofftejn ferrieħa. R/.

Int kont għajnuna għalija;
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Ruħi miegħek tqabbad,
lili żżommni l-leminija tiegħek.  R/.

IT-2 QARI – Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani. – Rum 12, 1-2

Nitlobkom, ħuti, għall-ħniena ta’ Alla offru ġisimkom bħala vittma ħajja, qaddisa, li togħġob lil Alla, b’qima spiritwali.
Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta’ moħħkom, biex iseħħilkom tagħarfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb, x’inhu li jogħġob, x’inhu s-sewwa.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.

It-triq tal-preċetti tiegħek fehimni,
biex naħseb fuq l-għeġubijiet tiegħek.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. – Mt 16, 21-27

F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassissin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħid: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!” Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax mintix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int.”
Imbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha. Għax x’ikun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex jerġa jikseb ħajtu? Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien ma’ l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel.”

Il-Kelma tal-Mulej.