Qari tat-28 Ħadd ta’ matul is-sena

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”        28 Ħadd matul is-sena

 

L-IKLA TAT-TIEĠ: IL-KNISJA


L-1 QARI Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. – Is 25, 6-10a

Dak in-nhar: Jagħmel il-Mulej ta’ l-eżerċti
għall-popli kollha fuq din il-muntanja ta’ Sijon
mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed fini,
b’laħam imsemmen bil-mudullun, u nbejjed fini.
Hu jċarrat minn fuq din il-muntanja
il-velu li kien jgħatti wiċċ il-popli kollha,
il-għata li kien jaħbi l-ġnus kollha;
jeqred il-mewt għal dejjem,
jixxotta Sidi l-Mulej id-dmugħ minn fuq kull wiċċ,
u jħassar il-għajb tal-poplu tiegħu minn wiċċ l-art kollha,
għax il-Mulej tkellem.
U dak in-nhar jgħidu, ‘Dan hu Alla tagħna:
fih ittamajna
biex isalvana;
dan hu l-Mulej li fih ittamajna:
nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu.’
Id il-Mulej tinżel fuq din il-muntanja.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI – Salm 22 – Ngħammar għal dejjem f’dar il-Mulej.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni.
F’mergħat kollhom ħdura jqegħedni,
ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hu jrejjaqni. R/.

Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba f’ismu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek
huma jwennsuni. R/.

Int thejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi;
biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi mfawwar. R/.

Iva, it-tjieba u l-ħniena jimxu miegħi
il-jiem kollha ta’ ħajti;
u ngħammar f’dar il-Mulej
matul iż-żminijiet. R/.

IT-2 QARI –  Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin. – Fil 4, 12-14, 19-20

Ħuti: Naf ngħix fil-għaks, u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt: ix-xaba’ u l-ġuħ, il-ġid u l-għaks. Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ Dak li jqawwini.
Sewwa ħafna għamiltu, meta waqaftu miegħi fit-tbatijiet tiegħi. Jimliekom Alla tiegħi b’kull ġid fil-ħtieġa tagħkom, skond il-għana tiegħu ta’ glorja fi Kristu Ġesù. Lil dan Alla u Missierna, glorja għal dejjem ta’ dejjem!

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.

Illum la twebbsux qalbkom,
iżda isimgħu leħen il-Mulej.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU –  Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. – Mt 22, 1-14

F’DAK IŻ-ŻMIEN: lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu Ġesù reġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu. U reġa’ bagħat qaddejja oħra; qalilhom, ‘Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta, il-barrin u l-għoġiela msemmna diġa maqtula, u kollox lest; ejjew għall-festa.’ Iżda dawk ma tawx każ: min mar il-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom.
Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered ’il dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom. Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Il-festa mhejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha.
Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa ’l kull min issibu.’ Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru ’l kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda.
Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ, u qallu, ‘Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa?’ Dak tbikkem. Imbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin inewlu, ‘Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħeżżiż tas-snien!’ Għax ħafna huma l-imsejħin imma ftit il-magħżulin.”

Il-Kelma tal-Mulej.