Qari u ħsieb tal-24 Ħadd ta’ matul is-sena

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”        24 Ħadd matul is-sena

 

NAĦFRU DEJJEM U LIL KULĦADD

 

L-1 QARI – Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak. – Sir 27, 33-28, 9

Mibegħda u għadab, dawn ukoll ta’ min jistmerrahom;
u l-bniedem midneb iżomm f’qalbu.
Min jivvendika ruħu, il-Mulej jagħmel vendetta minnu
u jżomm il-kont sewwa ta’ dnubietu.
Aħfer lil għajrek id-deni,
u meta inti titlob dnubietek jinħafrulek.
Jista’ bniedem iżomm f’qalbu l-korla għal bniedem ieħor,
u mbagħad jitlob il-fejqan minn għand il-Mulej?
Jista’ ma jkollux ħniena minn bniedem bħalu,
u mbagħad jitlob il-maħfra ta’ dnubietu?
Jekk huwa stess, li hu bniedem tal-laħam, iżomm il-korla,
min se jaħfirlu dnubietu?
Ftakar fi tmiemek, u tobgħodx iktar;
ftakar fil-qerda u l-mewt, u ħares il-kmandamenti.
Ftakar fil-kmadamenti, u żżommx f’qalbek għal għajrek;
ftakar fil-patt tal-Għoli,
u agħlaq għajnejk għal ħtijiet għajrek.
Warrab il-ġlied, u tnaqqas dnubietek.
Il-bniedem imgħaddab isaħħan il-ġlieda.
Il-bniedem midneb iħawwad lill-ħbieb
u jġib il-ġlied fost dawk li qegħdin fis-sliem.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI Salm 102 – Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej.

Bierek, ruħ tiegħi, ’il-Mulej;
kull ma hu ġo fija, bierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, ’il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

Hu li jaħfer dnubietek kollha,
li jfejjaq il-mard tiegħek kollu,
li jifdi ’l ħajtek mill-ħofra,
li jdawrek bit-tjieba u l-ħniena. R/.

Mhuwiex dejjem jitlewwem,
anqas dejjem jinkorla.
Ma mexiex magħna skond dnubietna,
ma ħallasniex skond ħtijietna. R/.

Daqs kemm huma s-smewwiet ’l fuq mill-art,
hekk hi kbira l-ħniena tiegħu ma’ min jibża’ minnu;
daqs kemm hu mbiegħed il-lvant mill-punent,
hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. R/.

IT-2 QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.
Rum 14, 7-9

Ħuti: Ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu. Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, immutu għall-Mulej. Mela sew jekk ngħixu, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej. Kristu għalhekk miet u rxoxta, biex ikun sid kemm tal-ħajjin u kemm tal-mejtin.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.

Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja,
u inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. – Mt 18, 21-35

F’DAK IŻ-ŻMIEN: Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?” “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet,” qallu Ġesù, “imma sa sebgħa u sebgħin darba.
Minn dan jiġi illi s-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. Ma kellux minn fejn iroddhomlu, u s-sinjur ordna li jinbiegħ hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn. Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu, “Sinjur, stabar ftit bija; kollox irroddlok.” Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.
Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu: “Ħallas dejnek,” qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu, “Stabar ftit bija u nħallsek.” Imma dak ma riedx; mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih.
Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara. Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu, “Ja qaddej ħażin, meta jien ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?” U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma kellu jagħti.
Hekk jagħmel lilkom Missieri tas-smewwiet jekk ma taħfrux ’il xulxin minn qalbkom.”

Il-Kelma tal-Mulej.