Rifflessjoni tas-6 Ħadd tal-Għid
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana
Issa ilna ma mmorru l-iskola! Mhux qed nitkellem għat-tfal biss imma anke għall-kbar. Ħafna minnha insejna l-bankijiet tal-iskola! Imma minkejja li ma mmorrux skola, importanti li nibqgħu studenti; ma nistgħux nieqfu nitgħallmu. Minn meta nitwieldu nibdew nitgħallmu u nibqgħu nitgħallmu sa ma ngħalqu għajnejna. Bla dubju l-esperjenza tal-ħajja tgħallimna, imma mhux biss! L-esperjenzi tal-oħrajn ukoll jistgħu jgħallmuna ħafna, għalhekk importanti li nħallu lill-oħrajn jgħallmuna waqt li aħna wkoll ngħallmu lil ħaddieħor. B’hekk jiġu organizzati diversi seminars u laqgħat, konferenzi u taħdit, xandiriet u programmi ta’ tagħlim fuq il-mezzi tax-xandir u anke korsijiet ta’ aġġornament; dan nistgħu ngħidu li jsir f’kull qasam.
Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-fidi tagħna. San Pietru fit-tieni qari tal-lum jgħidilna biex inkunu dejjem lesti li nagħtu tweġiba tal-għala tat-tama li għandna. Irridu nkunu aġġornati u mħejjija li nwieġbu bla tlaqlieq. Kultant uliedna stess ipoġġu quddiemna mistoqsijiet profondi tal-fidi, u jistennew li nagħtuhom tweġiba sodisfaċenti. Ġieli nies barranin li qed jaħdmu magħna jistaqsuna u jkunu jixtiequ li ngħidulhom x’nemmnu b’mod ċar. Ġieli nies li ma nistennewiex mingħandhom iduru fuqna u jistaqsuna.
Forsi tajjeb li nistaqsu: kif qed infittex li nkun aġġornat fil-fidi tiegħi? Bħala dixxiplu tal-Mulej, kif qed insir nafu aħjar? Mhux biżżejjed li nwettaq ċerti obligi li nħoss li għandi nagħmel fid-dawl tal-fidi; mhux biżżejjed nisma’ / nara l-quddies, mhux biżżejjed ngħid it-talb li mdorri ngħid, mhux biżżejjed nieħu sehem fl-attivitajiet tal-parroċċa, imma tajjeb li nħoss il-bżonn li nkompli nikber fil-fidi billi naqra kitbiet tal-papa u qari spiritwali, nistudja u nisma’ xi taħdita dwar il-fidi, jew nagħmel xi kors qasir biex nibqa’ naprofondixxi l-fidi tiegħi. Imma fuq kollox li nħoss il-bżonn li nkun tassew dixxiplu tal-Mulej.
Il-kelma dixxiplu ġejja mill-kelma latina ‘discipulus’ li tfisser student, aprentista, xi ħadd li jkun qed jitgħallem ma’ magħllem. Li tkun dixxiplu tal-Mulej, għalhekk, tirrikjedi li tkun mal-Mulej u titgħallem minnu. Fil-Vanġelu tal-lum, Ġesù wiegħed li juri lilu nnifsu lil dawk li jħobbuh. Dan l-għarfien personali ta’ Ġesù, jagħmilna mhux biss studenti tiegħu, imma wkoll għalliema. Għax wara li d-dixxiplu jitgħallem, jgħin lil ħaddieħor isir jaf lil Ġesù wkoll, biex ħaddieħor ukoll isir student tiegħu. Għalhekk Ġesù qabel ma tela’ s-sema, qal lid-dixxipli tiegħu: “Morru u għamlu dixxipli mill-ġnus kollha u għamduhom... u għallmuhom iħarsu dak kollu li jgħidilkom” (Mt28, 19-20).
Eżempju ċar tat-twettiq ta’ dan l-kmand insibuh b’mod tant sabih fl-ewwel qari tal-lum, meta Filippu, wieħed mis-seba’ djakni magħżula mill-appostli, mar s-Samarija, post ġdid, u tkellem fuq Ġesù, għallem fuq Ġesù u wera min hu Ġesù bl-għemejjel tiegħu. Il-missjoni ta’ Ġesù hi missjoni ta’ salvazzjoni – Hu jrid isalva lil kulħadd bla ebda distinzjoni bejn bniedem u ieħor. U Filippu wettaq din l-missjoni ta’ Ġesù f’art barranija billi keċċa l-ispirti ħżiena u fejjaq lill-morda. Din l-ħidma ġiet imwettqa u msaħħa bis-sehem tal-appostli meta Pietru u Ġwanni marru qiegħdu idejhom fuq dawk li emmnu. Dawn irċevew l-Ispirtu s-Santu biex ikomplu jitgħallmu – ikomplu jsiru dixxipli ta’ Ġesù. Ġesù wiegħed li jagħtina l-Ispirtu s-Santu bħala difensur u biex ikompli jgħallimna l-ħwejjeġ tas-sema, u hekk għamel ma’ dawn l-barranin li laqgħu l-aħbar t-tajba.
Din hi l-Evanġelizzazzjoni li l-knisja hi maħluqha għaliha. Il-knisja trid twettaq il-missjoni ta’ Ġesù u tkompli twassal is-salvazzjoni sa truf l-art. Kull nisrani hu msejjaħ biex jevanġelizza u jwassal lill-oħrajn ħalli huma wkoll isibu lil Ġesù. San Ġwanni Pawlu t-tieni, fl-enċikilika dwar il-missjoni, ‘Redemptoris Missio’ jgħidilna li: “Ħadd fost dawk li jemmnu fi Kristu, ma jista’ jibqa’ lura minn dan id-dmir hekk għoli: it-tħabbira ta’ Kristu lill-ġnus kollha tal-art.”(RM 3) Din hi l-identità tal-knisja, l-identità ta’ kull nisrani. In-nisrani vera jieħu kull okkażżjoni biex jitkellem fuq Ġesù. Bħal Filippu nistgħu nimirħu u nidħlu f’postijiet ġodda u fost nies barranin (dawk li għadhom ma jafux lil Ġesù sew).
Mill-Vanġelu tal-lum nagħrfu li l-Evanġelizzazzjoni hi dejjem Trinitarja, għaliex din il-ħidma tinvolvi f’li wieħed ilaqqgħa lill-oħrajn ma’ Ġesù, u Ġesù jagħtihom l-Ispirtu s-Santu, u l-Ispirtu s-Santu jgħarrafhom l-Missier. Fi kliem ieħor, l-evanġelizzazzjoni ddaħalna fil-ħajja ta’ Alla, li hu Trinità. Għalhekk hi essenzjali u inevitabbli nkella l-umanità tibqa’ aljenata u l-bogħod mill-ħallieq, tibqa’ mingħajr il-ferħ u l-milja tal-ħajja.
Ejjew nagħrfu l-kobor tas-sejħa li għandna, sejħa li toħroġ mill-magħmudija u nagħrfu kif il-Mulej irid li jkollna sehem mill-ħidma tiegħu ta’ Salvazzjoni – Alla jrid isalva d-dinja permezz tiegħi u tiegħek. Ma nibqgħux lura. Nużaw kull mezz possibbli biex inlaqqgħu lill-oħrajn miegħu.