Rifflessjoni għal 15-il Ħadd ta' matul is-sena

minn Dun Bastjan Caruana Arċipriet

Xxxxx... B’ħoss faċli ssikket lil xi ħadd, mhux biex tagħlaqlu ħalqu imma biex ikun kapaċi jisma’ dak li tkun trid tgħidlu. Kultant trid tiġbed l-attenzjoni ta’ dak li jkun biex jisma’ u jifhem. Ilkoll għandna widnejn imma mhux ilkoll kapaċi nisimgħu! Mhix ħaġa faċli li tisma’, l-aktar fid-dinja ta’ żmienna li hi maħkuma minn ħafna ħsejjes u storbju. Is-smiegħ hu kwalità mportanti ħafna għalina l-bnedmin, għax li tisma’ kelma tfisser li tħalli l-kelma tibdlek; kelma kapaċi tibdel deċiżjoni, tibdel viżjoni, tibdel direzzjoni, fi kliem ieħor kelma taffetwa realtà sħiħa. Kemm-il darba jkollna idea ċara ta’ x’irridu u meta nieqfu nitkellmu ma’ xulxin nibdlu l-idea tagħna; dak li nisimgħu jgħinna nirriflettu u naraw l-affarijiet minn perspettiva differenti. 

Fil-ħajja spiritwali wkoll hemm bżonn li nieqfu nisimgħu. San Benedittu jibda r-regola tiegħu bil-kliem: “Ibni isma’ bil-widnejn ta’ qalbek...”. Dan is-smiegħ jitlob minna li nisktu. Is-skiet jgħinna nisimgħu dak li, ħafna drabi mhux storbju, imma li jimla’ tassew il-qalb u jwassalha biex tħalli l-frott. Is-smiegħ veru jwassal għall-ubbidjenza; li toqgħod għal dak li tgħidlek l-istess kelma.  Jekk kelma ta’ bniedem kapaċi tbiddel ir-realtà, kemm iżjed il-Kelma ta’ Alla! Il-Kelma ta’ Alla hi kelma kreativa. Alla qal, u l-ħolqien sar. Il-kelma ta’ Alla hi dik li għamlet kollox kif inhu. Il-kelma ta’ Alla li toħroġ minn fommu u “ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lilu u ttem dak li jkun bagħtha tagħmel.” Alla għadu jitkellem biex iġedded il-ħolqien kollu, li għadu jistenna ħerqan għall-ħelsien.  Alla għadu jitkellem permess tagħna, għax permezz tagħna jrid ikompli jikkreja u jibni. X’responsabiltà għandna! 

Għalhekk irridu nqisu kliemna sew qabel ma nħalluh joħroġ minn fommna. Hemm bżonn nisktu qabel nitkellmu biex naraw jekk dak li qed ngħid hux tassew ġej min Alla jew le. Jekk ġej minn Alla kliemna jkun kliem li jikkreja u jħalli l-frott. Imma jekk ma jkunx ġej minn Alla jkun kliem li joqtol u jeqred. Meta ma jkollniex fina l-kelma ta’ Alla li hi l-kelma tal-ħajja, kliemna jsir vojt u li jkisser, isir tixwix li jeqred kull inizjattiva u jaqta’ l-qlub.  Isir kliem li joqtol kull relazzjoni u joħloq biss klikek tax-xitan għax ikun kliem li jġib il-firda u l-mibgħeda. Dan faċilment jiġri fil-familji tagħna u jwassal għall-firdiet bejn il-familji, jista’ jiġri fl-ambjenti tax-xogħol u jwassal biex ċertu ħaddiema jkollhom iħallu xogħolhom u jitlfu l-għajxien tagħhom, jista’ jiġri wkoll fil-knisja u jwassal biex jinħolqu klikek kontra xulxin. Attenti! F’dan l-ambjent iż-żerriegħa tal-kelma ta’ Alla ma tistax tagħmel frott – tisma’ kemm tisma’ priedki, taqra kemm taqra l-Iskrittura, ma tistax tagħtik ferħ u paċi – ma tagħmilx frott.

Fl-ittra lir-rumani, San Pawl ifakkarna li, bħall-ħolqien kollu, “ninsabu taħt il-frugħa u għandna bżonn li niġu meħlusa mill-jasar tat-taħsir, għandna bżonn il-ħelsien tal-glorja ta’ wlied Alla.” Dan il-ħelsien jaslilna biss mill-kelma ta’ Alla. Fil-parabbola taż-żerriegħa, Ġesù uriena ċar li hu jagħtina l-kelma bl-abbundanza – il-bidwi ferrex iż-żerriegħa ma kullimkien. Li jonqos hu li nisimgħuha, għax il-fidi tiġi mis-smiegħ u s-smiegħ tal-Kelma ta’ Alla, u naċċettawha. Imma Ġesù jgħidilna wkoll il-kif għandna nisimgħu l-kelma u nilqgħuha.

  • Jurina li hemm bżonn nisimgħuha b’qalb miftuħa; bħalma ż-żerriegħa għandha bżonn ħamrija ratba għax magħżuqa, hekk qalbna trid tkun disposta li tilqa’, tifhem u taċċetta dik l-kelma kif inhi. Jekk qalbna tkun imbalta bħal passaġġ li kulħadd jagħddi minn fuqu, malajr insibu l-ħażen ta’ madwarna jfixkilna u jħawwadna. Dan hu periklu, meta naħsbu li kollox jgħaddi, kollox permess, u kollox xorta.
  • Jurina wkoll il-bżonn tal-aprofondament. Wara li nisma’ l-kelma nieqaf nirrifletti, nimmedita u nitlob permezz ta’ dik l-kelma. Bħalma bidwi jibża’ għaż-żerriegħa li tkun għadha kif nibtet, iħarisha mir-riħ u mill-elementi l-oħra, hekk wara li nisimgħu l-kelma rridu nieħdu ħsiebha u ma nħallux id-distrazzjonijiet tal-ħajja jnessuna dak li nkunu rċivejna. Ħinijiet qosra u spissi ta’ talb matul l-jum huma ta’ ġid u għajnuna kbira.
  • Ġesù jurina wkoll il-bżonn li l-kelma nżommuha fil-kwiet, u mhux f’ħafna ġenn li joħdilna moħħna u qalbna. L-inkiet żejjed iwassalna biex ngħidu ħafna u mhux bilfors dak li ngħidu jkun ta’ ġid.

Ejjew niftakru li l-biċċa l-kbira taż-żerriegħa tagħmel il-frott: Din hi aħbar tajba. Il-biċċa l-kbira minna lesti nilqgħu l-kelma u nħalluha timlielna qalbna biex insiru kelma li nibnu dinja b’aktar imħabba. J’Alla kliemna jkompli jibni u jikkreja u mhux jeqred u jħott.