Riflessjoni tar-4 Ħadd tar-Randan
Ir-4 Ħadd tar-Randan
Imma dan li qed jiġri tbeżbiża? Kastig ta’ Alla minħabba d-dnub tal-bniedem? Din il-mistoqsija smajta diversi drabi f’dawn il-ġranet mingħand nies differenti. M’hix mistoqsija ġdida. Diġa nsibuha fil-Vanġelu tal-lum, meta d-dixxipli staqsew lil Ġesù dwar l-għama minn twelidu, jekk dak li ġralu kienx kawża tad-dnub tiegħu jew tal-ġenituri tiegħu. Imma Ġesù wriehom li dak li kien qed jiġri mhux kastig ta’ Alla iżda biex “l-għemil ta’ Alla jidher fih.” L-istess dak li qed jiġri fi żmienna, mhux kastig ta’ Alla imma biex l-għemil ta’ Alla jidher fik u fija, fina, dixxipli tal-Mulej li, kif jgħid San Pawl fit-tieni qari “aħna wlied id-dawl.” Madankollu biex tassew inkunu dawl fid-dinja rridu nkomplu ngħaddu minn proċess ta’ konverżjoni ...bidla tal-qalb.
Biex ir-raġel għama jsir dawl għall-oħrajn kellu hu stess jgħaddi minn proċess sħiħ ta’ konverżjoni tal-qalb. Din l-konverżjoni kienet kollha kemm hi nizjattiva ta’ Ġesù. Kien Ġesù li ħa l-inizjattiva u resaq lejn l-għama mit-twelid, poġġielu ma’ għajnejh tajn magħmul mit-trab u l-bżieq. Imma xorta kien jonqos ir-rispons tar-raġel għama, għax kien hemm bżonn jobdi u jagħmel li qallu Ġesù billi jmur jinaħsel fil-menqa ta’ Silwam.
- L-ewwel pass f’dan il-proċess, Ġesù jpoġġi quddiem għajnejna x-xejn tagħna, il-miżerja tagħna u d-dnub tagħna – ifakkarna li aħna trab u dan jagħmlu permezz tal-kelma tiegħu ...il-kelma li toħroġ mill-fomm bħalma l-bżieq joħroġ mill-fomm. Il-Kelma ta’ Alla tgħinna nagħrfu min tassew aħna biex ma nalludux ruħna u naħsbu li aħna kapaċi nsibu tarf ta’ kollox. U dak li qed tgħix id-dinja bħalissa, mhux hekk qed jurina? Konna naħsbu li kapaċi nsibu tarf ta’ kollox imma qed nindunaw li dan mhux minnu – virus ċkejken ħawwad id-dinja. Konna għomja! Issa qed nindunaw li kollox jiddependi minn Alla, il-Ħallieq. Imma, bħalma Ġesù uża l-ħmieġ tat-tajn biex ifejjaq lill-għama, hekk qed juża l-ħmieġ tagħna biex ifejjaq r-ruħ tagħna ħalli tassew insiru dawl tad-dinja.
- It-tieni, ir-raġel li nfetħulu għajnejh, beda jħares madwaru u jilmaħ ħwejjeġ ġodda. Minkejja l-limitazzjoni u dnub tiegħu, ir-raġel beda jħares lejh innifsu b’mod differenti. Ma baqgħax iqis lilu nnifsu bħala tallab imma għaraf li kien maħluq fuq ix-xbieha ta’ Alla. Qal lin-nies, li kienu qed jistaqsu dwaru, “Jien hu." Hi l-istess tweġiba li Alla ta’ lil Mosè meta staqsieh min hu: “Jien hu dak li hu." Hi l-istess kelma li Ġesù qal, meta fil-ġnien taż-żebbuġ kienu qed jistaqsu għalih, qalilhom “Jien hu.” Ġesù jgħinna naraw u ngħarfu min tassew aħna. F’dan il-proċess ta’ konverżjoni naslu propju għal dan l-għarfien tagħna nfusna, ta’ wlied Alla.
- Barra li kien kapaċi jagħraf min kien, ir-raġel wasal ukoll għall-għarfien ġdid ta’ min kien Ġesù għalih. Meta staqsewh għall-ewwel darba xi ġralu qalilhom: “wieħed raġel jgħiduli Ġesù... ", imma mbagħad meta reġgħu staqsewh x’jidhirlu minnu qalilhom “dak profeta.” Aktar tard għarfu bħala Bin l-bniedem u Alla, tant li niżel għarkuptejh quddiemu. Aħna wkoll aktar ma nkunu ma’ Ġesù, aktar nagħrfu min tassew hu. Ma jibqax Ġesù tal-istejjer, imma jsir persuna ħajja li nirrelataw magħha b’mod personali. Aktar milli nitkellmu dwaru, aktar milli niddibattu u ngħidu x’naħsbu fuq Ġesù, aktar milli nargumentaw fuq punti teoloġiċi, ninżlu nqimuh. Forsi wkoll f’dan iż-żmien il-Mulej qed jitlob minnha li nieqfu nitkellmu u fis-skiet ninżlu għarkuptejna quddiemu u nadurawh.
Tajjeb li nagħtu wkoll ħarsa qasira fuq raġel ieħor; raġel li nisbu fl-ewwel qari tal-lum, David. Alla għażel lil dan it-tfajjel ċkejken, imma qawwi. Ħadd ma kien iqisu bħala tajjeb biex isir sultan, imma Alla riedu jkun sultan skond qalbu. Kienet biss inizjattiva ta’ Alla. Imma wkoll David ried jikkopera ma’ din l-inizjattiva ta’ Alla. Kif?
- Billi joħodha kontra l-ħażen b’fiduċja sħiħa f’Alla. David, bħala ragħaj kien joħodha kontra l-iljun, ħadha kontra l-iġgant Gulija, ħadha kontra l-Filistejn, li kienu kontinwament jgħeddu lill-poplu ta’ Alla, imma dejjem tqabad f’isem il-Mulej. David kien gwerrier umli li joħodha kontra l-ħażen imma dejjem bil-għajnuna ta’ Alla. Meta waqaf jitqabad kontra l-ħażen...l-istorja ta’ mart urija l-Ħitti.. u meta tkabbar...għamel ċensiment biex jagħraf kemm kien sultan qawwi...dineb. Bħal David irridu nkomplu nitqabdu kontra l-ħażen li nkunu mdawrin bih, imma nagħmlu dan bl-għajuna ta’ Alla u mhux bil-ħila tagħna biss.
- David kien ukoll jagħti qima lil Alla b’arpa li kien idoqq. Għandna numru ta’ Salmi atribwiti lil David. Hu kien jinxteħet quddiemu kontinwament u jadurah. Bħal David ejjew ma nieqfu qatt nagħnnu t-tjieba tal-Mulej.
Sew ir-raġel għama mit-twelid, u sew David iħeġġuna biex nikkoperaw mal-inizjattiva ta’ Alla f’ħajjitna. Nagħrfu kif Alla jrid minnha ħwejjeġ kbar minkejja l-limitazzjonijiet u d-dnub tagħna. Bħal David u r-raġel għama, ejjew nagħrfuh bħala Alla tagħna u ma nedew qatt ninxteħtu quddiemu u nadurawh.
B’dan il-mod inkunu ta’ dawl fid-dinja, anke f’dawn il-mumenti ta’ dlam.