Riflessjoni tas-26 Ħadd tas-sena Liturġika

Mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Kemm hi frustranti meta taqsam xi frotta, li tkun tidher il-ġmiel tagħha, imma minn ġewwa ssibha mimlija bid-dud, jew imħassra.  Mhux dejjem dak li jidher minn barra jirrifletti dak li hemm ġewwa, anzi ħafna drabi d-dehra tqarraq. Illum sirna nagħtu ħafna każ tad-dehra, tant li fis-suq insibu diversi kumpaniji li jispeċjalizzaw fuq dan. Huma kumpaniji li jipprovdu designers speċjalizzati biex jgħinuk tipreżenta l-prodott tiegħek biex tħajjar aktar klijenti jixtru; għaldaqstant l-ippakjar tal-prodott sar ferm importanti fil-qasam tal-kummerċ.

Din mhix xi ħaġa ġdida: il-bniedem minn dejjem kien jagħti każ id-dehra, l-aktar id-dehra tiegħu nnifsu. Mhux qed nitkellem biss mid-dehra tal-ġisem imma wkoll mid-dehra spiritwali.  Issib min ifittex li jidher li qiegħed fis-sewwa, li għandu raġun, li hu aħjar mill-oħrajn, li ħadd ma jista’ jgħid xejn fih, li hu tajjeb, ġust, paċifiku, ġeneruż, ferrieħi, eċċ.  Imma mhux bilfors dak li jidher minn barra jirrifletti dak li jkun hemm ġewwa. B’hekk irridu noqgħodu attenti li ma nitqarqux u nagħddu ġudizzji fuq dak li jidher biss. F’din il-ħaġa għandna bżonn neżaminaw anke lilna fusna; tajjeb li naraw jekk id-dehra ta’ barra tagħna tirriflettix dak li aħna tassew. Fina wkoll jista’ jkun hemm dak id-dud li jkun qed iħassarna minn ġewwa, immaterjali min kif inkunu nidhru minn barra.

Il-parabbola li għandna quddiemna llum tgħinha nagħmlu dan l-eżerċizzju. Missier li għandu żewġ ulied, u jdur fuqhom t-tnejn u jitlobhom imorru jaħdmu fl-għalqa tad-dwieli: għalqa, li fuq kollox, kienet tagħhom ukoll għax huma kienu parti mill-familja tal-Missier.  L-atteġjamenti taż-żewġ ulied, kienu t-tnejn imperfetti u kellhom bżonn konverżjoni. L-iben il-kbir irrifjuta, imma mbagħad ħass li ma kienx qed jagħmel sew u nidem. Frott din l-indiema kien li jmur lura mid-deċiżjoni tiegħu u mar jagħti sehemu fl-għalqa. It-tieni wieħed ried jidher sabiħ ma’ missieru. Sejjaħlu ‘sidu’ u mhux ‘missier’ – kliemu kien formali wisq, ried jimpressjona! Imma minkejja li kien kliem sabiħ, kien vojt għax kien kliem biss bla ebda fatti. Kien bħal pakkett imgeżwer sabiħ imma ġewwa vojt u bla ħajja. Dan it-tifel kellu bżonn konverżjoni akbar – dik tal-qalb, imma wisq probabbli l-anqas biss kien induna b’dan il-bżonn. Din l-parabbola kienet indirizzata għal dawk li kienu jħossuhom ġusti aktar minn oħrajn, għall-qassisin il-kbar u għax-xjuħ tal-poplu. Huma kienu jħarsu lejn l-oħrajn b’superjorità u kienu jqisu lill-oħrajn midinbin. Ġesù urihom li huma kienu fl-iżball meta ma wieġbux għall-istedina ta’ Ġwanni l-Battista, li kienet stedina għall-konverżjoni, waqt li ħafna nies, pubblikani u nisa tat-triq, kienu wieġbu u bidlu ħajjithom.

Il-profeta Eżekjel, fl-ewwel qari tal-lum ifakkarna kif Alla jaħdem mal-bniedem, jekk wieħed ġust jagħmel il-ħażen, hu jmut minħabba ħżunitu. Waqt li jekk wieħed midneb jerġa’ lura mid-dnub isalva ruħu.  Alla ma jiġġudikax skond ma jidher minn barra, imma skond x’hemm fil-qalb, u dak li hemm fil-qalb ħafna drabi jidher fl-għemil.

Is-sejħa għall-konverżjoni hi sejħa li qed issir lilna wkoll illum. Quddiem Alla m’hemmx fejn nistgħu nistaħbew, dak li hemm ġewwa hu magħruf minnu. Għalhekk ejjew inwieġbu għall-istedina ta’ Ġwanni l-Basttista: ‘indmu’. Ejjew nagħrfu fejn qed nibqgħu lura milli nwettqu l-kelma li tajna fil-magħmudija; dak in-nhar wegħdna li nwarrbu lix-xitan u l-qerq kollu tiegħu, u nagħżlu li ngħixu f’Alla Trinità – fil-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. San Pawl fl-ittra tiegħu lill-Filppin jurina kif nistgħu ngħixu skond din il-wegħda, u għalhekk kif nibqgħu fl-għalqa tal-Missier. Jgħidilna “Ħa jkollkom l-istess imħabba, u ruħ waħda u ħsieb wieħed.” Jgħidilna wkoll: “tagħmlu xejn b’impika, anqas għall-ftaħir fieragħ, imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu. Fi kliem ieħor jgħidilna biex ngħixu fl-umiltà għax ilkoll neħtieġu bidla fil-qalb tagħna.