Rifflessjoni tas-7 Ħadd tal-Għid - It-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema

Mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Ftit ilu kont qed nippassiġġa qalb l-għelieqi u f’ħin minnhom smajt l-għajat ta’ żewġ tajriet li kienu qed jittajru fuq rasi; waqaft u domt insegwihom ħafna, sakemm ma stajtx narhom iktar. Mhux xi ħaġa ta’ kuljum li tilmah tajr kbir itir fuq gżiritna u għalhekk staġibt b’dak li kont qed nara. Ħadt gost narahom u xtaqt li nibqa’ narahom imma ovjament, la kienu qed ipassu mxew. X’ħin  ma stajtx narahom aktar, komplejt nimxi, imma ħassejt ċerta ferħ li wassalni biex infaħħar lil Alla tas-sbuħija fin-natura sabiħa li ħalaq. Din l-esperjenza fakritni fi tlugħ is-sema tal-Mulej. L-appostli baqgħu iħarsu 'l fuq, iċċassati lejn is-sema; ħarsu lejn Ġesù tielgħa 'l fuq biex jieħu postu fuq il-lemin tal-Missier u minn hemm isaltan fuq id-dinja kollha. Meta ma setgħux jarawh aktar, l-appostli ma tilfux il-ferħ tagħhom. Dehrulhom żewġt irġiel libsin l-abjad, u staqsewhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema?”

Mistoqsija li tqanqal mistoqsijiet oħra li jistgħu jgħinuna fir-riflessjoni tal-lum, bħal: lejn x’hix qed inħares? X’qiegħed jiġbidli l-attenzjoni tiegħi f’dan il-mument partikulari ta’ ħajti?  Ħafna drabi nsibu ruħna nħarsu lejn diversi affarijiet li jiġbdu l-attenzjoni tagħna. Faċli li dawn l-affarijiet jaljenawna u jnessuna d-destinazzjoni ta’ fejn aħna sejrin – jistgħu jkunu ħwejjeġ tajbin, imma jekk jaljenawna u ma jħalluniex nimxu 'l quddiem jistgħu jkunu ta’ tfixkil. Fil-każ tiegħi kienu żewġ tajriet li waqfuni mill-passiġġata tiegħi, imma nħoss li kienu grazzja. Li rridu nagħtu każ hu li: dak li nara, dak li qiegħed jiġbed l-attenzjoni tiegħi, dak li għalija hu tant importanti, x’qed iħalli f’qalbi? Ferħ u paċi jew vojt u dwejjaq? Jekk qed iħalli ċerta paċi u ferħ, allura dak se jgħinni nkompli nimxi 'l quddiem, imma jekk dak li qed nivvalutiżża qed iħalli vojt u dwejjaq, allura rrid nara jekk hux aljenazzjoni u ostaklu fil-mixja tiegħi. F’dak il-każ aħjar inwarrbu fil-ġenb biex nibqa’ miexi.

Fit-tieni qari tal-lum San Pawl jgħid lil Efesin: “Hu jdawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom, x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li tagħkom taqsmu mal-qaddisin.” Bħala nsara, xogħlna mhux li nibqgħu nħarsu ċċasati lejn is-sema u daqshekk, imma rridu nkunu saqajna ma’ l-art u ngħixu f’din id-dinja s-sejħa li Alla afdalna f’idejna. Iż-żewġt irġiel liebsa l-abjad donnu qalu lill-appostli: ‘postkom issa mhux hawnx’intom tħarsu lejn is-sema? Postkom issa hu fid-dinja biex twettqu l-missjoni li Ġesù afdalkom f’idejkom, jiġifieri li tagħtu xiehda tiegħu sat-truf l-art kollha.’ U postna mhux li nogħqodu l-knisja l-ħin kollu, jew li nogħqod ngħid r-rużarju l-ġurnata kollha, imma li ngħixu skond is-sejħa li l-Mulej għamlilna.

Il-missjoni afdata lill-appostli ma kenitx missjoni żgħira; żgur li ma kellhomx ħila jwettquha weħidhom; kienu nies dgħajfa u beżżiegħa. Imma Ġesù wegħdhom li jagħtihom il-qawwa; wegħdom l-Ispirtu s-Santu. Qalilhom: “meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa.”

U l-missjoni afdata lilna wkoll m’hix missjoni żgħira. Kemm-il darba nkunu nixtiequ nagħmlu t-tajjeb imma nħossuna li mhux kapaċi? Kemm-il darba jkollna ispirazzjonijiet ta’ x’għandu jsir, imma nħossu li dan mhux xogħol għalina imma għal ħaddieħor? Kemm-il darba nibqgħu lura milli naqsmu xi ħsieb jew esperjenza spiritwali għax nistħu jew nibżgħu li xi ħadd se jikkumenta u jwaqqalna dak li għidna? Kemm-il darba anke bqajna lura milli nħeġġu l-membri tal-familja tagħna biex jgħixu l-fidi tagħhom għax ħassejna li ma kelniex kuraġġ nkellmuhom fuq dan? Iva, aħna wkoll għandna bżonn il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Imma ejjew niftakru li aħna diġà rċevejna l-Ispirtu s-Santu fil-magħmudija u fil-griżma tagħna, u għalhekk din l-qawwa diġà qegħda fina. San Pawl ikompli u jgħid: “tgħarfu x’inhu l-kobor bla qies tas-setgħa tiegħu fina li emminna?”  Ħafna drabi ma nkunux konxji ta’ din l-qawwa, u ta’ din is-setgħa. Il-Kelma ta’ Alla llum qed tagħmilna aktar konxji tal-qawwa tal-Ispirtu li hemm fina. Qisu bħal meta tiskopri x’kapaċi jagħmel programm fil-computer tiegħek li tkun għadek ma tantx taf tħaddem. Hu meta tiskopri x’kapaċi joffri dak il-programm?  ̶  meta tibda tagħmel dak li qatt ma tkun immaġinajt li tista’ tagħmel.

Bħala nsara, għalhekk, irridu ngħixu l-fidi tagħna b’mod konkret, u mmorru u nagħmlu dixxipli minn dawk li niltaqgħu magħhom. Niftakru li Ġesù magħna dejjem, u din l-wegħda wkoll tagħtina l-qawwa biex inkomplu ngħixu l-fidi tagħna, nkomplu nimxu 'l quddiem waqt li nżommu l-ħarsa tagħna lejn is-sema.  Iva rridu nibqgħu nħarsu lejn is-sema, imma biss biex minn hemm nieħdu l-qawwa ħalli ngħixu l-ħajja tagħna fuq din l-art. Inħarsu lejn is-sema biex niftakru fil-glorja li għad naslu fiha meta ntemmu l-missjoni tagħna hawn.