Riflessjoni għad-29 Ħadd tas-sena Liturġika

Minn Dun Bastjan Caruana

Spiss nitkellmu fuq id-dritt tal-espressjoni tal-kelma – kulħadd għandu dritt jitkellem, imma mhux dejjem tkun faċli li tgħid dak li tixtieq tgħid b’libertà.  Tista’ issib lil min jipprova jsiktek! Issib min malajr jirribatti u jmeri dak li tkun għidt, issib min jirredikolak jew min jipprova jiskreditak.

Dan ipprovaw jagħmlu anke lil Ġesù – riedu jsiktuh, għax kliemu ma daqx għal widnejhom. Wisq probabbli l-fariżej kienu jibżgħu minn Ġesù, u għalhekk ingħaqdu mal-erodjani biex jipprovaw isiktuh; mhux billi jmeru dak li kien qed jgħid – kienu jafu li kliemu kien jagħmel sens; anqas billi jrredikulawh – kienu konxji li ħafna nies kienu jfittxuh u jsegwuh, imma billi jiskreditawh – riedu jaqbduh f’xi kelma biex juru lil kulħadd li mhux ta’ min jagħti kasu. 

Storja li tirrepeti ruħha. Ġrat lil Ġesù u għadha tiġri llum wkoll, b’mod speċjali, lil min jipprova jkun ġust. Kemm intervisti, kemm interrogazzjonijiet, kemm diskors u kummenti, li l-għan tagħhom ma hu xejn għajr li jiskreditaw lil dak li jkun u b’hekk ikollu jgħalaq ħalqu.  

Ġesù ma beżax jitkellem dwar il-ġustizzja soċjali anke quddiem dawk li kien jaf li qed jonsbuh fi kliemu. Lil Ġesù ma setgħux isiktuh, għax Hu stess hu l-Kelma ta’ Alla nkarnata.  Hu wera li l-imħabba tal-bniedem lejn Alla ma tmurx kontra l-ħajja soċjali: ‘agħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla u lil Ċesare dak li hu ta’ Ċesare.’  B’dan il-kliem Ġesù li sikket lill-fariżej, u mhux huma għalqu ħalq Ġesù. Wera li l-ħajja ta’ Alla u l-ħajja tas-soċjetà m’humiex kontra xulxin imma hemm bżonn li jkunu ntegrati.

Fuq l-eżempju ta’ Ġesù n-nisrani għandu jibqa’ jitkellem favur il-ġustizzja soċjali anke jekk jaf li mhux se jintgħoġob.  Ma nistgħux ngħidu dak li ngħidu biex nintgħoġbu, imma rridu nitkellmu s-sewwa anke jekk nafu li se naqilgħuwa. In-nisrani ma għandux ikun maqtugħ mid-dinja. Mhux biżżejjed li jinteressana dwar x’ikun qed jiġri fis-soċjetà inġenerali, imma hemm bżonn li ninpenjaw ruħna ħalli tinbena dinja aħjar. Dan jitlob parteċipazzjoni sħiħa fil-politika vera. Politika, ma tfissirx li tappoġġja xi partit jew ieħor, imma li ġenwinament tfittex l-aħjar għas-soċjetà li tgħix fiha. Il-kelma politika dan li tfisser – il-ħajja tal-belt; u għalhekk il-politika hi l-mod ta’ kif tiġi organiżżata l-ħajja tan-nies li jgħixu flimkien. Meta jkun hemm soċjetà mibnija fuq rispett u mħabba, nkunu qed ngħatu glorja lil Alla. Alla jixtieq li jara lilna l-bnedmin ngħixu f’armonija. 

Fl-ewwel qari naraw kif Alla għażel lis-sultan Ċiru, avolja ma kienx Lhudi, biex permezz tiegħu jagħmel il-ġid lill-poplu kollu. Anke fil-Vanġelu, Ġesù ma jeħodiex kontra l-imperatur Ċesare, avolja pagan.  F’soċjetà hemm bżonn li jkollok mexxejja tajbin li jfittxu dejjem il-ġid tas-soċjetà u għalhekk aħna fid-dmir li nitolbu għall-mexxejja. L-ewwel insara kienu kontinwament jitolbu għall-imperatur, li ħafna drabi kien jippersegwithom, u hekk baqgħet tagħmel il-knisja tul iż-żmien.  Għalhekk, ejjew aħna wkoll nitolbu għal kull min b’xi mod jew ieħor qed jorganiżża lis-soċjetà tagħna, biex l-Mulej jagħtihom d-dehen ħalli kull deċiżjoni li jieħdu tkun ta’ ġid għal kulħadd.