Riflessjoni għall-Ewwel Ħadd tar-Randan

minn Dun Bastjan Caruana

Ilkoll nafu r-rakkont tal-Ġenesi meta wara li Adam u Eva waqgħu fid-dnub sabu ruħhom barra mill-ġnien tal-Eden, u għalhekk spiċċaw f’deżert bla ħajja, fejn issa kellhom jitħabtu biex jgħixu.  Alla wiegħed is-salvazzjoni għax ma riedx jara l-bniedem jinqered. Din is-salvazzjoni waslet f’Ġesù. Is-silta qasira tal-Evanġelju tal-lum teħodna eżatt wara l-magħmudija ta’ Ġesù fil-Ġordan, fejn l-istess Spirtu li qagħad fuqu, ħadu fid-deżert għall-erbgħin jum.  Ġesù beda l-ħidma tiegħu mid-deżert, il-post fejn kien il-bniedem. Id-deżert hu post li ma tantx hemm fejn tista’ tistaħba, kif għamlu Adam u Eva meta ħassew lil Alla qrib tagħhom jippassiġġa fil-ġnien. Għalhekk id-deżert hu l-post ideali fejn Alla jiltaqa’ magħna kif aħna biex isejħilna lura lejn il-ħajja fih. Il-knisja tħeġġiġna biex ngħaddu dawn l-erbgħin jum fid-deżert mal-Mulej Ġesù, billi nisktu u nitolbu aktar, insumu u nagħmlu sagrifiċċji u nfittxu li niprattikaw il-karità f’għemejjel ta’ mħabba.  

Imma ma ninsewx li l-perikli fid-deżert huma kbar u jgħamluha ferm diffiċli għall-bniedem biex jgħix fih. San Mark fl-Evanġelju juri dan il-periklu bil-frażi ‘kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi.’ Il-perikli tad-deżert ifakkru lill-bniedem f’periklu ferm akbar, dak li jgħix mingħajr Alla f’ħajtu. Għalhekk id-deżert jista’ jwassal lill-bniedem biex ifittex aktar lil Alla billi jidħol aktar fil-fond tar-riflessjoni tiegħu fuq realtajiet spiritwali. Ma nibżgħux nidħlu fid-deżert u niltaqgħu ma’ Alla f’Ġesù Kristu. Iva, madwarna se jkollna ħafna bhejjem selvaġġi, spirti ħżiena li jipprovaw ifixkluna milli nagħmlu dan. Missirijiet il-knisja jgħinuna nagħrfu liema jistgħu ikunu dawn il-bhejjem selvaġġi, dawn l-ispirti ħżiena, biex noqgħodu attenti minnhom u ma nħalluhomx jagħmlulna ħsara. Huma jsemmu:

  1. Is-suppervja: meta nistrieħ fuqi nnifsi u npoġġi lili nnifsi fiċ-ċentru ta’ kollox;
  2. Ir-rebgħa: meta l-affarijiet materjali jsiru s-siġurtà ta’ ħajti;
  3. Il-gula: meta qatt ma għandi xebgħa – fl-ikel u ħwejjeġ oħra nfittex biss il-pjaċir;
  4. L-assurja: meta titmexxa mill-istint u l-pjaċiri sesswali;
  5. Ir-rabja: meta nikkultiva r-rabja ġo fija u ssir korla li tagħmel il-ħsara;
  6. L-għira: meta nqabbel lili nnifsu mal-oħrajn u nixxennaq għal dak li m’għandix, flok naprezza dak li għandi;
  7. L-aksedi: meta nintrebaħ mill-għass u telqa’ spiritwali.

Dawn l-ispirti ħżiena l-ħin kollu jduru magħna u jfixxtu li jeħdulna l-paċi ta’ qalbna. Ġesù wkoll kellu dawn l-ispirti jduru miegħu imma ma ntrebaħx minnhom. San Mark ma jsemmix it-tlett tentazzjonijiet li jsemmu San Luqa u San Mattew fl-Evanġelji tagħhom, imma xorta nistgħu nindunaw li Ġesù ma kienx eżentat minn dan it-tfixkil.

Fl-esperjenza tad-deżert ma nsibux biss tfixkil imma nsibu wkoll għajnuniet. Fis-silta tal-lum naraw ukoll li ‘kienu jaqduh l-anġli.’ Alla fil-ħniena tiegħu jipprovdilna l-għajnuna li għadna bżonn matul il-ħajja tagħna.  L-anġli jistgħu jkunu n-nies benefatturi tagħna, nies li jagħmlulna l-ġid u nies li jresquna lejn Alla.  Bla budbju lkoll nistgħu nidentifikaw persuni bħal dawn.  L-anġli jistgħu jkunu wkoll ċirkustanzi li jwasluna biex nindunaw bil-kobor tal-imħabba ta’ Alla, esperjenzi li jġibuna konxji li maħniex weħidna fid-deżert. L-anġli jistgħu jkunu esperjenzi spiritwali li jagħtuna konsolazzjoni kbira fil-qalb tagħna. L-anġli jistgħu jkunu wkoll xi priedka jew eżerċizzi spiritwali li nisma’ u jgħinuni nintebaħ minn jien u fejn qiegħed. Tajjeb li nagħrfu kull mod kif il-Mulej jgħinna biex naslu għall-konverżjoni. Din hi l-istedina ta’ Ġesù llum: ‘indmu u emmnu fl-Evanġelju’. Nisimgħu l-Kelma tiegħu u nħalluha tibdel il-qlub tagħna.