Riflessjoni għall-festa tal-Magħmudija tal-Mulej

minn Dun Bastjan Caruana

Il-baħar tagħna hu wieħed mill-isbaħ ibħra; fis-sħana tas-sajf tieħu gost tinżel fl-ilma nadif ta’ dan il-baħar biex tifriska xi ftit b’għawma tajba. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-ilma tax-xmara Ġordan. Min ġieli mar l-Art Imqaddsa, jaf li l-ilma tal-Ġordan hu ilma mdardar, peress li ħafna ramel mid-deżert isib ruħu f’din ix-xmara, u b’hekk ħafna drabi tkun imtajna.  Ġwanni l-Battista kien jgħammed f’dan il-post waqt li jqanqal għall-indiema mid-dnub. F’din ix-xmara kienu jinżlu l-midinbin li jindmu minn dnubiethom, wara li jkunu semgħu lil Ġwanni jkellimhom.  Kienu jitolbu l-ħniena mingħand Alla, waqt li jittamaw li jaqilgħu l-maħfra. 

Illum naraw lil Ġesù jasal sa dan il-post minn Nazaret, identifika ruħu mal-midinbin, daħal f’nofshom u bħalhom niżel fl-ilma mtajjan tax-xmara. Ma ddejjaqx jinżel f’dan l-ilma mdardar avolja fil-Galilea kien hemm baħar ferm isbaħ, ma ddejjaqx jitħallat mal-midneb avolja kien bla dnub; u dan għamlu biex inaddaf u jsaffi lill-midinbin li kienu jinżlu fih.  L-ilma mtajjan jfakkarna fir-realtà tad-dnub li kull wieħed u waħda minnha għandna sehem minnha. Minkejja kollox Alla ma jabbandunaniex; Hu jersaq lejna biex inaddafna permezz ta’ Ibnu l-għażiż u wara li jnaddafna jagħmilna dixxipli tiegħu. 

Nistgħu ngħidu li l-magħmudja ta’ Ġesù inawgurat il-ħidma tiegħu ta’ salvazzjoni fostna l-midinbin. F’dan il-mument hu ġie magħrraf lid-dinja bħala Iben ta’ Alla. Jekk fil-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù għarafnieh bħala iben Marija, bin il-bniedem, illum qed nagħrfuh bħala Iben Alla. Dan għamlu:

  1. bix-xandir tal-kelma: dik il-kelma li toħroġ minn fomm Alla u li, kif smajna fl-ewwel qari, hi bħax-xita li ssaqqi u tagħti l-frott. Kelmet Alla li tagħti l-ħajja lil dawk li jilqgħuha. Hi kelma li tfejjaq il-qlub miġruħa.
  2. bil-mewt u l-qawmien tiegħu: ix-xiehda, li tkellem fuqha San Ġwann fit-tieni qari tal-lum, ix-xiehda tal-Ispirtu, l-ilma u d-demm. L-ilma u d-demm li ħareġ mill-ġenb ta’ Ġesù msallab u li naddfu lid-dinja. L-Ispirtu li ngħata lid-dixxipli nhar il-jum tal-qawmien mill-imwiet, dak l-Ispirtu ħallieq ta’ dinja ġdida.

Il-magħmudija li aħna għandna sehem fiha ma saritx fl-ilma mtajjan imma fl-ilma imnaddaf mill-kelma ta’ Ġesù bil-mewt u l-qawmien tiegħu. Aħna mhux biss ġejna mnaddfin mid-dnub imma rċevejna wkoll il-grazzja biex ikollna sehem mill-ħajja ta’ Alla fina.  Fil-magħmudija aħna ħadna sehem mill-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù u tassew twelidna mill-ġdid minn Alla, għax emminna li Ġesù hu l-Messija.

L-istess kelma li Alla qal għal Ġesù: “Int ibni l-għażiż, fik sibt l-għaxqa tiegħi”, qed jgħidha lilna, li aħna mgħammdin fi Kristu. Int u jien aħna ulied għeżież ta’ Alla. Alla jitgħaxxaq bina. Ejjew inkomplu ngħarfu x’valur kbir għandna f’għajnejn Alla; ejjew inkomplu ngħarfu l-imħabba ta’ Missier li għandu għal kull wieħed u waħda minnha, u nibżgħu aktar għalina nfusna, kif ukoll għall-oħrajn; ma nberbqux ġidna f’dak li ma jxebbax, imma nfittu l-ħobż li tassew jgħati l-ħajja. Niftakru li meta, fil-magħmudija sirna dixxipli tiegħu, ingħatajna l-grazzja li nieħdu sehem mill-mejda ta’ Alla. Ejjew ngħixu l-magħmudija tagħna, billi naħarbu dak li jista’ jkun dnub u ngħixu fil-grazzja ta’ ulied Alla.