Riflessjoni għal-Ħadd il-Palm

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Nagħtu bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa: l-aktar ġimgħa mportanti fl-istorja tas-salvazzjoni tagħna; ġrajja li bidlet l-istorja tal-umanità. Nibdew din l-ġimgħa bir-rakkont tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù u ntemmuha bil-ġrajja tal-qawmien.

 

San Mark jibda dan ir-rakkont b’Ġesù u d-dixxipli waqt l-ikel f’Betanja, fejn daħlet mara b’vażett b’żejt ifuħ tan-nard pur. Ma kelliex paċenzja tferra din l-fwieħa bil-mod il-mod, imma kissret l-għonq tal-vażett, biex tferra u taħli l-fwieħa kollha. Ma tantx kienet tagħmel sens! Fil-fatt sabet il-kritika ta’ xi wħud, li għax kienu qed jaħdmu b’moħħhom, ma fehmux dan il-ġest bla raġuni. Din il-mara, mil-banda l-oħra, kienet aktar qed taġixxi b’qalbha milli bill-moħħ – ma kienitx qed tfittex x’jaqblilha imma riedet tesprimi b’qawwa s-sentiment tagħha għal Ġesù. Il-fatt li San Mark beda r-rakkont tal-passjoni b’dan il-mod, donnu qed jissuġġerilna li nidħlu fir-rakkont tal-passjoni b’din l-attitudni; ma naqrawx l-istorja tal-passjoni u l-mewt bir-raġuni imma bil-qalb, ma niprovawx nifhmu x’ġara imma nħallu l-qalb tirbaħ fuq il-moħħ, ħalli twassal lilna wkoll biex nesprimu  mħabbitna lejn Kristu Ġesù. Bħal din il-mara nkunu kapaċi naħlu u mberbqu dak kollu li għandna għalih, kif fl-aħħar minn l-aħħar għamel hu għalina.

 

San Mark jagħtina figura oħra mportanti waqt li ġew biex jarrestaw lil Ġesù fil-ġnien tal-Ġetsemani, kien hemm żgħażugħ li kien imgeżwer b’liżar biss. Ippruvaw jaqbdu lil dan iż-żagħżugħ imma hu ħarab għeri. Min hu dan iż-żgħażugħ? Dan iż-żagħżugħ ma kienx fiżikament hemm, imma qiegħed jirrapreżenta lil kull min hu magħmmed. Fil-magħmudija tingħatalna l-libsa l-badja, sinjal tal-ħajja ġdida fi Kristu. Imma kull magħmmed jasal f’punt li jrid jieħu deċiżjoni: jekk jibqax ma’ Kristu fit-tiġrib jew jekk jaħrabx u jfendi għal rasu kif għamel dan iż-żagħżugħ u kif għamlu d-dixxipli l-oħra kollha. Ir-rakkont tal-passjoni jwassalna għal din id-deċiżjoni. X’se nagħmel, se nibqa’ mal-Mulej Ġesù jew nara x’jaqbilli u nfendi għal rasi? Quddiem it-tbatijiet u l-persekuzzjonijiet, nibqa’ ngħix b’impenn il-magħmudija tiegħi jew infittex is-sigurtà tiegħi postijiet oħra?

 

San Mark jgħalaq ir-rakkont tal-lum b’personaġġ ieħor importanti: Ġużeppi minn Arimatija.  Jgħidilna li kien dixxiplu bil-moħbi imma ma hemm xejn fil-moħbi li ma joħroġx għad-dawl.  X’wassal lil Ġużeppi li joħroġ fid-deher, propju fil-mument meta d-dixxipli l-oħra ħarbu? Jista’ jkun li ma felaħx aktar l-ipokrezija ta’ sħabu. Jista’ jkun għax ma kienx qabel mal-inġustizzji li kienu qed jitwettqu. Jista’ jkun li l-ħarsa tal-Mulej mimlija ħniena u mħabba tant missitlu qalbu, li rebħet kull biża’ li kellu fih. Jista’ jkun li l-vulnerabiltà u d-djugħfija ta’ Ġesù qanqluh biex jagħmel xi ħaġa, almenu dak li setgħa  – iġib l-lożor u joffri l-qabar li kellu.  Imma aktar minn kollox kienet il-qawwa ta’ Kristu msallab, li minnu ġab il-kuraġġ li ma kellux qabel. Dan il-kuraġġ deher fl-aqwa tiegħu meta bla biża’ ta’ xejn mar fil-pubbliku jitlob lil Pilatu biex jagħtih il-ġisem ta’ Ġesù biex jagħtih difna dinjituża.  F’dan il-ġest, Ġużeppi kien qed jirriskja l-fama tiegħu ma’ sħabu l-fariżej, imma kien qed jirriskja wkoll ħajtu, għax setgħu jifferoċjaw għalih u jaqbduh, jakkużawh bħala traditur u xewwiex. Imma d-don tal-fidi li Ġużeppi rċieva mill-qawwa tas-salib waslu li juri l-imħabba tiegħu fil-karità. Mela waqt li dak iż-żagħżugħ fil-ġnien ħarab għeri u neħħa minn fuqu l-liżar, simbolu tal-libsa tal-magħmudja, Ġużeppi jsir dixxipli fid-deher.

 

Fir-rakkont tal-passjoni skond San Ġwann, li naqraw nhar il-Ġimgħa l-Kbira, nsibu ma’ Ġużeppi lil Nikodemu. Dan iġib miegħu taħlita ta’ morr u sabbra, tiżen mitt libbra (kważi 3kilo). L-ammont ta’ fwieħa wżata hu mpressjonanti; jekk il-libbra ta’ fwieħa ta’ nard ifuħ li ġabet dik l-mara, kienet sinjal ta’ abbundanza, kemm aktar il-mitt libbra ta’ fwieħa li ġab Nikodemu?

 

Jekk inżommu l-ħarsa tagħna fuq Ġesù imsallab nimtlew bil-qawwa u l-kuraġġ u ma nibżgħux nuru li aħna tiegħu; ma nibqgħux dixxipli moħbija tiegħu imma noħorġu fl-imħabba u l-karità mal-ġisem ta’ Kristu, li hu l-bniedem li qed ibagħti llum.

Nifhmu wkoll li f’idejna għandna l-fwieħa li tfewwah lid-dinja; dinja li tinten, bl-inġustizzji, bl-oppressjoni tal-fqir, bis-serq tad-dinjità umana, bit-tkasbir tal-bniedem fin-nuqqas ta’ moralità, bl-isfruttar tal-ħaddiema, bil-qtil ta’ trabi qabel it-twelid u b’ħafna modi oħra. In-nisrani għandu messaġġ qawwi, messaġġ ifuħ li jagħti tama ġdida u dan minkejja li għadna fil-wied tad-dmugħ (għadna ma rajniex il-qawmien). Bħalma Ġesù kien għadu qed jitqiegħed fil-qabar meta diġa’ kien qed jimla’ lid-dinja bil-fwieħa tat-tama ta’ ħajja ġdida, hekk in-nisrani bit-tama tiegħu joħloq tama ġdida madwaru.