Riflessjoni għall-34 Ħadd tas-sena Liturġika - Festa ta' Kristu Sultan

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Jixbħu lil xulxin, imma m’humiex l-istess. X’differenza hemm bejn nagħaġ u mogħoż? M’hemmx għalfejn tkun ragħaj jew raħħal biex tagħraf nagħġa minn mogħża; imma d-differenza l-kbira mhix wisq kif jidhru minn barra, daqskemm fl-imġieba tagħhom; id-differenza tal-imġieba aktar jagħrfuha r-ragħajja u r-raħħala, li jkunu magħhom il-ħin kollu. Il-mogħoż huma aktar indipendenti minn nagħaġ u jiġru u jfittxu l-ikel 'l hawn u 'l hemm, jieklu mill-weraq tas-siġar u kultant anke jixxabtu fuq xi rdum jew xi għolja, ma jinkwetawx wisq jekk isibu ruħhom weħidhom. In-nagħaġ mill-banda l-oħra ssibhom aktar f’merħla, miġbura fil-wens ta’ xulxin. Jieklu mil-ħaxix tal-art u jixtarru dak l-ikel bil-mod. In-nagħaġ aktar għandhom bżonn ragħaj, biex iżommhom flimkien, għax jekk jinqatgħu mill-merħla jsibuha ferm diffiċli biex ikampaw.

Fil-festa ta’ Kristu Sultan għandna quddiemna qari li juri lil Ġesù bħala ragħaj li jirgħa l-merħla. Donnu l-attenzjoni tal-lum hi aktar fuq il-merħla milli fuq is-Sultan. Fl-ewwel qari, Eżekjel iħabbar li Alla stess se jirgħa l-merħla li hi mxerrda, il-merħla li kienet tinsab f’periklu kbir minħabba li ġiet abbandunata mir-ragħajja tagħha peress li kienu jirgħu biss lilhom infushom. Irridu nifhmu l-kotba tat-Testment il-Ġdid fid-dawl ta’ din il-profezija, għax huma kotba li jkellmuna fuq Ġesù, l-Iben ta’ Alla, ir-ragħaj li jirgħa din il-merħla u jżommha miġbura flimkien, jitmagħha u joffrilha sigurtà u mħabba.

Mill-banda l-oħra fil-Vanġelu tal-lum għadna xena tal-ġudizzju, b’Ġesù Sultan fil-glorja tiegħu, bil-qegħda fuq it-tron minn fejn juri l-awtorità tiegħu. Hemm hu jifred minn xulxin in-nagħaġ mill-mogħoż, li kienu ġejjin minn għalqa waħda, minn dinja waħda. Donnu hu ġudizzju kollettiv aktar milli ġudizzju ndividwali. Qisu Alla mhux se jagħti premju jew kastig lili (jew lilek), imma aktar lilna bħala komunità sħiħa.  Din il-parabbola turina kif għandha tkun knisja vera; knisja li tkun komunità tassew ħajja li tappartjeni għas-Saltna ta’ Alla. Hi dik il-komunità li tfittex li tgħix f’armonija u mħabba ma’ xulxin, dik il-komunità li tinkludi lill-oħrjan fiha, u dik il-komunità li min issa trid li jkollha lil Ġesù bħala r-ragħaj waħdieni li jmexxiha. Għall-kuntrajru dawk li dejjem ifittxu li jfendu għal rashom u jinqatgħu mill-oħrajn, dawk li jfittxu biss l-interessi tagħhom u ma jinteresshomx wisq mill-bżonnijiet tal-oħrajn, dawk li ma jridux joqgħodu għal-liġi ta’ Alla għax iridu jkunu liberi u ndipendenti, diġà għażlu li jibqgħu barra mis-Saltna ta’ Alla. Anke jekk aħna nissejħu nsara, nistgħu nieħdu dan l-atteġjament egoistiku u egoċentriku.

L-aħbar it-Tajba hi li Ġesù, is-Sultan il-Kbir, għadu jieħu ħsieb il-merħla tiegħu, u dan qed jagħmlu permezz tagħna. Hu għażel dixxipli biex jirgħu f’ismu u jżommu l-merħla b’saħħitha u maqgħuda. Bil-magħmudija aħna qed nieħdu sehem mill-missjoni ta’ Kristu Sultan u msejħin biex nagħmlu li nistgħu ħalli nibnu s-Saltna ta’ Alla f’dinja miġruħa u feruta. Dan għandna nagħmluh billi kontinwament nuru tjubija ma’ kulħadd l-aktar ma’ min hu fil-bżonn. Ma’ min hu bil-ġuħ mhux biss għall-ikel imma għal ftit attenzjoni, ma’ min hu bil-għatx mhux biss għall-ilma imma għall-imħabba u l-ħbiberija, mal-barrani mhux biss għax ġej minn pajjiż ieħor imma wkoll ma’ dak li jħossu barrani f’daru u li qed jiġġerra u jterraq fit-toroq tal-ħajja waħdu, mal-għeri mhux biss għax m’għandux ħwejjeġ imma għax hu mneżża’ mid-dinjità umana, mal-ħabsi mhux biss għax jinsab Kordin imma għax hu msakkar u magħluq f’xi vizzju, mal-marid mhux biss għax jinsab f’xi sodda imma wkoll mal-marid fir-ruħ u bi spirtu mtaqqal. Meta nagħmlu dan inkunu qed nirgħu ma’ Kristu Sultan u nibnu minn issa s-Saltna t’Alla li hi saltna ta’ mħabba. Niftakkru li Ġesù għad jiġi fil-glorja u ħenjin aħna jekk isibna nagħmlu dan.