Riflessjoni għall-Ewwel Ħadd tal-Avvent

Riflessjoni għall-Ewwel Ħadd tal-Avvent

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

L-attenzjoni medja tagħna l-bnedmin, aktar ma jmur aktar qed tonqos. Minn studju li sar riċentament instab li l-bniedem qed jitlef l-attenzjoni tiegħu wara biss 8 sekondi, dan ifisser li l-attention span tagħna hi anqas minn ta’ ħuta goldfish, għax skond l-istudjużi goldfish għandha 9 sekondi bħala attention span.  Parti mill-kawża ta’ dan hi l-użu tal-ismartphones; ninsabu f’era fejn aħna bumbardjati minn texts, tweets, ads, facebook posts, emails, notifications eċċ.  Nistgħu ngħidu li l-ħin kollu qed taslilna nformazzjoni ġdida, u għalhekk, saret vera diffiċli li tkun attent għal xi ħaġa partikulari għal tul ta’ ħin.  Naħseb li lkoll, ħafna drabi, naqbdu lilna nfusna naħsbu u noħolmu fuq xi ħaġa oħra waqt xi omelija!  Trid tkun altru xi ħaġa li tinteressana biex nibqgħu attenti mill-bidu sal-aħħar.

Żmien l-avvent qed isejħilna biex nibqgħu attenti. Ġesù qed jiġbed l-attenzjoni tagħna billi jaħsadna b’dak li se jiġri mix-xemx, il-qamar u l-kwiekeb, mill-baħar u l-imwieġ, kif wkoll minn dak li hu ġej fuq id-dinja.  Imma jista’ jkun li anke dan ma għadux jiġbed wisq l-attenzjoni tagħna għax drajna b’din id-diska; smajnieha ħmistax ilu, smajnieha s-sena l-oħra, u ta’ qabel, smajnieha diversi drabi, u b’hekk jista’ jkun li ma għadiex taħsadna u tiġbed wisq l-attenzjoni tagħna.  Madanakollu, Ġesù jibqa’ jtenni l-kelma atteni. Hi stedina biex niffukaw mill-ġdid fuq dak li hu tassew importanti. Jistedinna nqumu, u nerfgħu rasna; ma jridniex norqdu, nintelqu jew naqtgħu qalbna, anzi jridna nqumu u nħarsu lejn il-ġustizzja, mwegħda lilna minn Ġeremija fl-ewwel qari tal-lum, u mwettqa fi Kristu Ġesù. 

L-istennija tal-Avvent mhix sempliċiment li nistennew il-jum tal-Milied biex niftakkru meta twieled Ġesù u daħal fid-dinja tagħna l-bnedmin, l-anqas hi biss l-istennija tat-tieni miġja tiegħu, li ħadd ma jaf meta se sseħħ. Imma hi wkoll stennija għall-miġja ta’ Ġesù li jżurna kuljum fil-ħajja tagħna taħt diversi forom. Iżurna fil-kelma tiegħu, fl-ewkaristija, fis-sagramenti, fil-knisja, imma wkoll iżurna f’persuni oħra, l-aktar dawk li jidhru quddiemna fil-bżonn.  Il-Mulej qed jitlob minnha li nishru u nkunu attenti biex narfuh f’nofsna.

L-Avvent, għalhekk mhux stennija passiva, imma stennija attiva. Waqt li nistennew hemm mod ta’ kif għandna ngħixu. Fl-Evanġelju tal-lum naraw il-bżonn tar-rażan biex inkunu kapaċi nibqgħu l-ħin kollu attenti. Ir-rażan, il-qies f’kollox,it- temperanza, il-bilanċ, id-dixxiplina personali u l-kontrol tagħna nfusna jżommuna ffukati, u għalhekk attenti, għall-miġjiet tal-Mulej. Ir-rażan jagħtina l-ħila biex nikkontrollaw l-imġieba tagħna u nevitaw tentazzjonijiet li jfixkluna milli nilħqu l-għanjiet li l-Mulej ipoġġi quddiemna. San Luqa fl-Evanġelju jsemmi l-ikel żejjed u x-xorb li jwassal għas-sokor, kif ukoll it-taħbit żejjed. Dawn kollha jaljenaw lill-bniedem  u ma jħalluhx jibqa’ iffukat u attent.  Imma hemm diversi affarijiet oħra li hemm bżonn li nżommu l-qies fihom. Insemmu per eżempju, l-użu tal-meżżi soċjali u l-gadgets, it-televiżjoni (illum insemmu wkoll in-netflix), il-ħruġ u d-divertiment, id-diskors u l-messaġġi li ngħaddu bil-kitba, l-logħob u l-passatempi tagħna, irqad u ħafna u ħafna affarijiet oħra. Bla dubju, dan kollu mhux ħażin, anzi xi wħud minnhom huma vitali għall-għajxien tagħna, bħalma hu l-ikel u l-mistriegħ. Imma jekk ma nżommux il-qies fihom itelfuna l-focus f’dak li hu l-aktar essenzjali.  Meta nitilfu l-kontrol inkunu qed naqgħu fid-dnub tal-gula, li hu wieħed mill-irjus tad-dnubiet il-mejta.  It-temperanza hi meqjusa bħala virtù kardinali (bażika), dan ifisser li hi virtù neċessarja għalina bħala bnedmin u mhux biss għax aħna nsara u dixxipli tal-Mulej.

Matul dan l-avvent ejjew niprattikaw l-virtù tat-temperanza, tar-rażan, tal-qies eċċ, biex nibqgħu attenti għal kull miġja tal-Mulej; nagħrfuh meta jidher quddiemna f’persuni u f’ċirkustanzi li nsibu ruħna fihom.