Riflessjoni għall-Għid il-Kbir
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Kull meta jsir xi reat kriminali, attentat ta’ serq, jew isseħħ xi traċedja jinħass il-bżonn li ssir investigazzjoni biex tiġi magħrufa l-verità tal-każ u kif seta’ seħħ fir-realtà: b’hekk wieħed jifhem aħjar x’wassal għal dak li ġara. F’dawn il-każijiet sfortunati jiġu msejħa l-pulizija u jekk jaraw il-bżonn jinfurmaw lill-qorti, u l-qorti taħtar maġistrat biex issir inkjesta. Hawn jiġu maħtura esperti, li jibdew jiġbru evidenza u provi, biex jgħinuhom jaslu kemm jista’ jkun qrib is-sewwa. L-esperti jippruvaw jagħmlu konnessjonijiet bejn evidenza u oħra, bejn prova u oħra, imma wkoll ifittxu u jaraw xi jkun ġara qabel. Jippruvaw jagħmlu wkoll konnessjonijiet ma’ każi simili li ġraw fil-passat, u jagħtu każ il-konklużjonijiet li kienu waslu għalihom dak in-nhar. Bla dubju l-esperti jidħlu fid-dettal u xejn ma jkun irrelevanti għalihom huma u jistudjaw il-każ. Fl-aħħar l-esperti jagħmlu l-konklużjonijiet tagħhom, jiġbruhom f’rapport, u jgħadduh lill-maġistrat ikkonċernat. Eventwalment huma jkollhom jitilgħu jixhdu fil-qorti biex jgħidu dak kollu li jkunu skoprew u kif waslu għall-konklużjonijiet tagħhom.
Illum quddiemna għandna wkoll investigazzjoni, mhux ta’ xi każ żvinturat imma ta’ ġrajja straordinarja li qatt ma kienet instemgħet bħala qabel. Investigazzjoni ta’ xi ħadd mejjet li ma baqgħax aktar f’qabar. Ħadd ma kien ra l-każ isir quddiem għajnejh, u għalhekk kien hemm bżonn li ssir investigazzjoni. Inġabru biżżejjed evidenza u provi biex ġiet magħrufa l-Verità – tassew dak li kien mejjet QAM mill-mewt.
L-ewwel prova kien il-qabar innifsu – instab vojt, għalkemm ftit siegħat qabel kien tqiegħed fih il-katavu ta’ Ġesù mejjet. Ta’ min niftakru li fl-ebda ħin, mid-difna sal-ħin li ħarġet l-aħbar, ma l-qabar tħalla waħdu, peress li l-mexxejja Lhud talbu lil Pilatu jagħmel l-għassa miegħu. Evidenza oħra kienet il-blata ta’ quddiem id-daħla tal-qabar – kienet imneħħija biex tagħmel il-wisa’ ħalli dak li kien ġewwa seta’ joħroġ fid-dinja u dawk li kienu barra setgħu jidħlu jaraw ir-rebħa fuq il-mewt – qabar vojt. Marija ta’ Magdala kienet l-ewwel waħda li sabet il-qabar vojt, u peress li m’għamlet ebda investigazzjoni, għamlet konklużjoni mgħaġla – ħasbet li xi ħadd qalgħu mill-qbar – kienet żbaljata. Meta ġew id-dixxipli ħdejn il-qabar biex jaraw x’ġara bdew l-investigazzjoni tagħhom. Daħlu u “raw l-faxex tal-għażel imqegħda hemm, raw il-maktur li kien madwar rasu,” raw ċerta ordni fil-qabar, li żgur ma kienitx tkun possibli li kieku l-ġisem ta’ Ġesù ttieħed fid-dlam tal-lejl. Id-dixxipli komplew l-investigazzjoni tagħhom billi ħarsu lura u bdew jiftakru f’dak li kien jgħidilhom Ġesù. Ġesù kien qalilhom li wara tlett ijiem iqum. Kien għalhekk li waslu biex emmnu kliemu meta raw dan kollu.
Imma l-provi li għandna quddiem dan il-każ, m’humiex biss qabar vojt, anqas il-fatt li nstabu il-lożor u l-maktur li kien madwar wiċċu f’posthom. Il-provi li għandna m’humiex biss Marija ta’ Magdala u n-nisa li qalu li raw xi anġli, u qalulhom “għaliex qed tfittxu lil dak li hu ħaj fost il-mejtin, mhux hawn imma qam.” Il-provi li għandna tal-qawmien hu Kristu nnifsu li waqaf f’nofs id-dixxipli, kellimhom u qalilhom “il-paċi magħkom,” waqt li tahom l-Ispirtu s-Santu u bagħthom mad-dinja kollha. Il-provi li għandna li Ġesù hu ħaj, waslu għandna permezz tax-xiehda li kienu raw u semgħu li Ġesù rxoxt. Il-provi baqgħu joħorġu matul is-snin għax Kristu nnifsu baqa’ jieqaf quddiem komunitajiet insara li jkunu miġbura flimkien fit-talb. Tassew Hu QAM mill-mewt.
Aħna, dixxipli tiegħu, imsejħa biex inkomplu l-investigazzjoni tagħna u nkomplu nagħrfu l-verità. Jekk irridu nesperjenzaw il-qawmien ta’ Ġesù, hemm bżonn li nieqfu u nosservaw il-preżenza ħajja tiegħu madwarna. Iva hu bżonn li nkomplu nfittxu u nosservaw dak li ġara permezz tal-kotba Mqaddsa, hu bżonn li ma nieqfu qatt nistudjaw u naraw is-sinjali, li Alla fil-ħniena tiegħu, jagħtina. Aħna msejħin biex inkomplu nemmnu, u nikbru fil-fidi. Ma nieħdux il-fidi tagħna forgranted, imma nkomplu nġedduha fit-talb. Hekk kif nagħrfu l-verità, ma nżommuhiex għalina, imma nagħtu xiehda kif għamlu l-Appostli. Fl-ewwel qari tal-lum smajna x-xiehda qawwija ta’ Pietru. Bħalu ejjew nagħtu xiehda ta’ Ġesù li QAM mill-mewt.