Riflessjoni għall-Għid il-Kbir
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana
Tiftakru meta fil-klassi tal-iskola kienu jqegħduna tnejn tnejn? Waqt l-assembly, fil-kuruturi tal-iskola, kif ukoll meta konna noħorġu: kont tisma’ lill-għalliema jgħajtu: ‘in twos please’; u arana konna naqbdu idejn xulxin u nimxu wara xulxin. Min qatt kien jgħidilna li llum irridu nimxu in twos anke fit-triq! Il-pandemija qed iċċaħadna mill-komunità, mill-ġemgħa ta’ dawk li jemmnu u mill-follol li jġibu entużjażmu u ferħ b’mod speċjali f’dan iż-żmien tal-Għid. Għal darba oħra mhux se naraw t-tfal ferħana b’xi figolla f’idejhom biex tiġi mbierka, l-anqas ma se narawhom jiġru xi ġirja wara x-xbieha ta’ Kristu Rxoxt. Imma niftakkru li l-Għid jista’ jiġi ċċelberat ukoll in twos.
Fir-rakkont skond San Ġwann, naraw li hekk kif Marija ta’ Magdala ġiet għand id-dixxipli bl-aħbar li Ġesù ma kienx fil-qabar, li kienu qegħduh fih, tnejn minnhom ġrew flimkien (in twos) u daħlu flimkien fil-qabar, raw u emmnu li Ġesù hu ħaj. Huma esperjenzaw lil Ġesù ħaj fil-qabar vojt.
Fl-Evanġelju skond San Luqa, kienu tnejn l-irġiel liebsa l-abjad (in twos), li dehru lin-nisa li marru ħdejn il-qabar, u tawhom l-aħbar li Ġesù qam mil-mewt. In-nisa esperjenzaw lil Ġesu’ ħaj f’dik l-aħbar.
Fit-triq lejn Emmaus, kienu tnejn id-dixxipli li mxew flimkien (in tows) lejn darhom; huma esperjenzaw lil Ġesù ħaj tul din it-triq u fil-ħin tal-qsim tal-ħobż.
Ġesù wara li qam mil-mewt, wera lilu nnifsu lil ftit, aktar milli lill-masses u l-follol ta’ nies, u dan għamlu fis-skiet ta’ relazzjonijiet intimi. Minkejja li deher lil ftit, din l-aħbar hekk kbira, xorta xterdet mad-dinja kollha, għax l-istess dixxipli saru xhieda ta’ Ġesù Rxoxt.
Dan ma kienx l-ewwel darba li nsibu lid-dixxipli in twos, għax anke meta kienu mibgħuta minn Ġesù fl-irħula ta’ fejn kien sejjer biex iħejju lin-nies; kien bagħthom tnejn tnejn u qalilhom biex jgħidu li s-saltna ta’ Alla waslet. F’din il-missjoni talabhom biex jibnu relazzjoni man-nies, joqgħodu magħhom waqt li jagħtuhom il-paċi tiegħu. Nistgħu ngħidu li dak inhar kien preludju għal dak li kellhom jagħmlu wara l-qawmien tiegħu. Wara l-qawmien bagħthom mhux fi ftit irħula imma mad-dinja kollha, iwasslu lil kulħadd il-paċi tiegħu fil-maħfra tad-dnubiet.
L-in twos, teħodha kontra l-mentalità individwalistika li qed ngħixu fiha. Kemm hu faċli nħossu li weħidna kapaċi naslu, jew li, bit-taħbit u bil-ħila tagħna nistgħu nibdlu d-dinja! Kemm hu faċli li nfendu għal rasna u nkunu task oriented aktar milli person oriented! Kemm hu faċli li tonqos is-sensittività lejn dawk il-persuni qrib tagħna! Nitolbu lil Kristu Rxoxt jaħfrilna ta’ meta xellifna r-relazzjonijiet tagħna b’xi kelma żejda jew b’xi azzjoni li biha ferejna lil ħaddieħor.
Niftakkru li f’dan l-Għid Ġesù jrid jidher fostna in twos. Tassew, lil Ġesù ħaj se nsibuh fl-għaqda u l-imħabba ta’ bejnietna fil-familji u fid-djar tagħna, fil-ħbieberiji sinċieri u fir-rispett li nuru lejn min niltaqgħu miegħu. Niftakkru li Hu stess qalilna li fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismu, Hu jkun fosthom. Ejjew għalhekk nibżgħu għar-relazzjonijiet ta’ bejnietna: naprezza lil dik l-persuna li nkun miexi magħha, niggosta lil min qed ngħix miegħu, nieħu ħsieb lil kollega li naħdem magħha.
Nixtieq nawgura li dan l-Għid iġedded lil kull wieħed u waħda minnha. J’Alla l-Mulej Ġesù li hu ħaj jidħer fostna fl-istess relazzjonijiet ta’ bejnietna.