Riflessjoni għall-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej.
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Meta ssir rassenja u jsejħu ismek, tgħid present biex turi li qiegħed hemm, mhux biss fiżikament; kieku ma tkunx attent biżżejjed anqas biss twieġeb għax ma tindunax li sejħulek! Li tkun preżenti titlob minnek li tipparteċipa b’mod sħiħ, tinvolvi ruħek fejn ikun hemm bżonn, u kif ukoll li tkun lest toffri lilek innifsek jekk tinqgħala l-ħtieġa. Il-bqija tkun hemm biss bħala numru u xejn aktar. Illum qed niċċelebraw il-festa tal-preżentazzjoni tal-Mulej. Hi festa li tfakkarna li Ġesù hu tassew present.
Kull Lhudi tajjeb kien josserva l-liġi billi jimxi ma’ dak li hu rikjest mill-istess liġi anke fejn jidħlu l-ulied. Barra milli jagħti l-isem lit-tarbija wara tmint ijiem, barra li jagħmel iċ-ċirkonċiżjoni fil-każ ta’ tarbija tifel u barra li jsiru r-riti tal-purifikazzjoni tal-omm wara 40 jum, kienu wkoll jippreżentaw it-tarbija fit-tempju u joffruha lil Alla. It-tarbija keinet tiġi mifdija billi ssir offerta kif inhu miltub mil-liġi. Dawn ir-riti kienu juru li t-tarbija issa tappartjeni għal Alla u għall-poplu tiegħu. Marija u Ġużeppi għamlu dan kollu, bħal f’kull każ ta’ tarbija oħra. Imma fil-każ ta’ Ġesù, dak li sar ma kienx biss ritwali, għax Ġesù sar tassew preżenti mhux biss quddiem Alla imma quddiem l-umanità kollha. Hu kien lest li jinvolvi ruħu u joffri lilu nnifsu totalment, kien lest li jagħmel kull ma kien hemm bżonn għall-fidwa tal-umanità. Għax tassew, mhux it-tarbija Ġesù kellha bżonn tinfeda, imma l-umanità! Ġesù offra lilu nnifsu biex din il-fidwa isseħħ. Il-kelma present ħafna drabi nużawha wkoll flok il-kelma rigal: meta tagħti jew tirċievi present. U f’dan ir-rigward, Ġesù sar tassew rigal għall-umanità kollha, kif stqarr Xmun il-Profeta meta qal: “għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek.” F’Ġesù tarbija lemah ir-rigal tas-salvazzjoni u l-glorja ta’ Iżrael.
F’ewwel qari tal-lum, mill-profeta Malakija, għandna indikazzjoni ċara ta’ x’jagħmel is-Sid mistenni mill-poplu meta jidħol fit-Tempju tiegħu. Hu jnaddaf u jsaffi lill-poplu. Il-profeta jqabbel dan il-proċess ta’ tisfija man-nar li jdewweb u jnaddaf id-deheb u l-fidda, kif wkoll mas-soder fin tal-ħassiela. U dan li għamel Ġesù hekk kif daħal fit-tempju. Bħala tarbija saffa l-għajnejn ta’ Xmun u ta’ Anna l-profetessa, biex setgħu jagħrfuh. Meta daħal fit-tempju u sab il-bejjiegħa jbiegħu, ukoll naddaf u saffa t-tempju, biex mill-ġdid isir post ta’ talb fejn wieħed jista’ jkun preżenti għal Alla. Imma l-akbar tisfija saret fuq is-salib. It-tindif tat-tempju mill-bejjiegħa kien biss simbolu ta’ dak li għamel Ġesù fuq il-kalvajru; hemm daħal fit-tempju ħaj ta’ Alla, hemm feda u saffa lill-umanità mid-dnub. In-nar li jsemmi l-profeta, ma hu xejn għajr it-tbatija li Ġesù bata għall-fidwa tagħna. Xmun il-Profeta kien diġà ħabbar dan il-mument tal-fidwa meta dar lejn Marija u qalilha “Ara, dan sa jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel, se jkun sinjal li jmeruh – u int ukoll, min-naħa tiegħek, sejf jinfidlek ruħek! – ħalli jinkixfu l-ħsibijiet moħbija ta’ ħafna.” Mela minn fuq is-salib Ġesù daħal fit-tempju l-ħaj ta’ Alla: Hu naddaf u saffa bl-istess demm li xerred fuq is-salib.
Il-ħlas tal-fidwa tagħna jqanal fina sens qawwi ta’ gratitudni, u fl-istess ħin ikabbar ix-xewqa fina biex aħna wkoll inkunu preżenti, aħna wkoll inkunu lesti li noffru lilna nfusna għal dak li jkun hemm bżonn, ħalli ħaddieħor ukoll jesperjenza l-fidwa ta’ Kristu. Quddiem il-preżentazzjoni ta’ Ġesù, ejjew nagħrfu s-sejħa tagħna biex nidħlu fit-tempju u aħna wkoll insiru rigal għal Alla u għall-oħrajn. Nippreżentaw ruħna billi nkunu attenti għal dak li hu meħtieġ. Hemm ħafna x’jaljenana, hemm ħafna x’jeħdilna l-attenzjoni tagħna, u għalhekk irridu nagħmlu sforz biex nibqgħu preżenti. Li tkun preżenti għal Alla turi l-imħabba tiegħek lejn Alla. Meta nitolbu, dak li nkunu qed ngħamlu: inkunu preżenti għaliH bla ma nħallu xejn ifixkilna. Imma anke meta nkunu preżenti għall-ieħor, inkunu qed nuru mħabbitna lejn dak li jkun. Kemm nammira nies li joffru ħajjithom biex ikunu preżenti ma’ xi ħadd marid, jibqgħu ħdejh u attenti għal kull ma’ jkun jeħtieġ! Jew ġenituri preżenti kontinwament għal uliedhom, joffru lilhom infushom totolment għall-bżonnijiet tagħhom.
Ejjew inkunu tassew preżenti għal xulxin, anke jekk dan ifisser li noffru dak kollu li aħna għal xulxin. Ejjew inkunu rigal għal xulxin. Ejjew nipparteċipaw fil-fidwa ta’ xulxin u b’hekk inkomplu l-missjoni ta’ salvazzjoni li wettaq Ġesù għalina.