Riflessjoni għar-4 Ħadd tal-Avvent
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Kull proġett jibda minn ħolma, li ħafna drabi tibda titkellem dwarha ma’ l-oħrajn sa ma fl-aħħar isseħħ fil-konkret. Jekk din l-ħolma ssirx jew le, jiddependi ħafna minn kemm wieħed jemmen f’dak li jkun irid jagħmel, kif ukoll jiddependi minn kemm ipoġġi enerġija fiha, u minn kemm ikun lest li jippersevera, anke meta s-sitwazzjoni tidher iebsa u diffiċli. L-ewwel pass li wieħed għandu bżonn jieħu hu li joqgħod bil-qegħda u jipjana: il-ħajjata jfasslu, il-periti jagħmlu l-pjanti, l-inġiniera d-diagrams u l-għalliema jagħmlu l-lesson plans tagħhom. Nistgħu nibqgħu nsemmu proġett wara l-ieħor għax jekk trid li tirnexxi hemm bżonn li jkollok pjan tajjeb, li jinkludi wkoll l-istrateġija ta’ kif se timxi tul il-proċess kollu sa ma tasal fit-tmiem tal-proġett. Fil-mumenti iebsin, u meta tħoss li l-proġett mhux miexi skond il-pjan, trid tkun kapaċi tieqaf u tevalwa u jekk ikun hemm bżonn tibda mill-ġdid sakemm fl-aħħar tasal.
Anke Alla għażel li jagħmel pjan biex iwettaq il-ħolma tiegħu: il-ħolma li jsalva lill-umanità kollha mill-mewt. Dan il-pjan ta’ salvazzjoni, Alla għamlu hekk kif il-bniedem kien għażel id-dnub flok il-grazzja, u b’konsegwenza daħlet il-mewt. Dan il-pjan sirna nafu x’inhu hekk kif Alla beda jitkellem dwaru magħna permezz tal-profeti. B’hekk beda jitwettaq dan l-istess pjan. Fil-qari tal-lum naraw kif Alla rrivela l-pjan tiegħu lil David permezz tal-profeta Natan. Il-Mulej qal lil David li “l-familja u s-saltna tiegħu jibqgħu sħaħ għal dejjem.” Jekk ikollna nkomplu nqallbu fil-Kotba Mqaddsa, naraw li ġie żmien fejn is-saltna ta’ David iddgħajfet u anke kienet tidher li waslet fi tmiemha. F’dawn il-mumenti kollox kien jindika li l-wiegħda ta’ Alla baqgħet ma seħħitx. Madanakollu Alla ma waqqafx il-pjan tiegħu, u permezz tal-profeti, kompla juri li hu mal-bniedem. Meta wasal ż-żmien Alla ħadem is-salvazzjoni li wiegħed, bit-twelid ta’ Ġesù l-Messija. Alla ried jinvolvi lill-bniedem stess fit-twettieq ta’ dan il-pjan u għażel lil Marija biex tkun omm. Marija kellha sehem indispensabbli f’dan il-pjan ta’ salvazzjoni. Il-koperazzjoni ta’ Marija għamlitha possibbli biex il-ħolma ta’ Alla sseħħ.
Il-koperazzjoni ta’ Marija turina l-bżonn li aħna wkoll nikkoperaw ma’ Alla fil-kontinwità tat-twettiq tal-istess ħolma divina. Meta, bħal Marija naċċettaw l-istorja tagħna, nkunu qed naċċettew il-pjan ta’ Alla għalina. L-‘hawn jien il-qaddejja tal-Mulej’, hi s-sejħa ta’ kull nisrani u ta’ kull min jemmen li Alla jaħdem kollox għall- ġid ta’ dawk li jħobbuh. Il-pjan ta’ Alla għalina niskopruh matul l-istess storja tagħna. Fit-tieni qari San Pawl jitkellem mill-ubbidjenza tal-fidi, li tifsser li tgħix kull mument ta’ ħajtek f’dan l-ispirtu ta’ aċċettazzjoni; tkun b’idjek mifutħa tilqa’ dak li Alla fil-ħniena tiegħu jrid jagħtik. Jekk bħal Marija nikkoperaw ma’ Alla, bħala nkunu mimlija bil-grazzja.
F’aħħar jiem tal-avvent tajjeb li nieqfu ftit u naraw kif qed nikkoperaw ma’ Alla fit-twettieq tal-pjan tiegħu għalina; imma ejjew naraw ukoll fejn jista’ jkun qed nirreżistu lir-rieda tiegħu biex issir ir-rieda tagħna, u minflok nipprovaw inkunu aktar miftuħa għar-rieda tiegħu. Niftakkru li jekk b’idejna miftuħa nilqgħu dak li Alla jibgħatilna nkunu aktar f’postna, kif kienet Marija. Kien għalhekk li Marija ma tfixtklitx anqas quddiem il-mumenti diffiċli li għaddiet minnhom minħabba l-iva tagħha. Hi baqgħet soda fil-fidi u emmnet li ‘Alla magħha’, kif qalilha l-anġlu. Nibqgħu sħaħ fil-fidi għax il-Mulej magħna kif qed jgħidilna llum permezz tal-kelma tiegħu.