Riflessjoni għas-solennità ta' Kristu Re
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana
Nelson Mandela kien l-ewwel president elett b’mod demokratiku fl-Afrika ta’ Isfel, bejn is-snin 1994-1999. Dan seħħ wara żmien twil ta’ mpenn u taħbit biex jeħles lin-nies ta’ pajjiżu mill-oppressjoni li kienu jinsabu fiha. Minħabba l-impenn soċjali u politiku tiegħu spiċċa għal 27 sena sħaħ fil-ħabs. Minkejja kollox baqa’ jaħdem u jistinka biex pajjiżu jsir post aħjar għal kulħadd, inkluż għas-suwed li kienu diskriminati. Quddiem l-ostakli li kellu, la lmenta u l-anqas għamel xi reżistenza, imma baqa’ jemmen li xi darba pajjiżu kien se jinbidel. Mandela għażel it-triq tal-paċi, negozjati u rikonċiljazzjoni, flok il-gwerra u l-vjolenza. Il-vulnerabbiltà tiegħu saret simbolu ta’ qawwa li wasslet għal bidla paċifika fl-Afrika ta’ Isfel.
Gandhi wkoll hu esponent tas-setgħa fil-vulnerabbiltà. Gandhi kien f'konfront kontinwu mal-inġustizzji tas-soċjetà, l-vjolenza razzjali u l-kundizzjonijiet tal-fqar fl-Indja. Kien magħruf għal kemm kien jaħdem fost il-fqar u l-emarġinati. Hu emmen li l-bidla fil-soċjetà setgħet issir b’mod paċifiku minn dawk li kienu fil-bażi. Il-vulnerabbiltà tiegħu waslet għall-ġustizzja akbar f’pajjiżu.
Ħafna drabi nassoċjaw il-poter ma’ qawwa u saħħa. Minn hu l-aktar magħruf, popolari, sinjur u b’saħħtu jmexxi, u meta jkun fit-tmexxija jassigura ruħu li ħadd ma jgħelbu u jeħodlu postu. Imma, kif rajna f’dawn iż-żewġ eżempji, mhux dejjem hu l-każ li l-qawwa u l-poter imorru flimkien. Is-setgħa taf issib ruħa wkoll fil-vulnerabbiltà. Eżempju ewlieni tal-setgħa fil-vulnerabbiltà huwa Kristu Ġesù fuq is-salib. Filwaqt li Ġesù jidher dgħajjef, umiljat, u mingħajr qawwa fiżika, is-salib sar l-aktar post ta' setgħa. Kristu, f’dak il-mument ta’ tbatija, wera li, l-qawwa veru hija fl-imħabba, fil-ħniena, u fil-fiduċja fil-pjan ta’ Alla. L-imħabba li juri għall-umanità tiffaċilita s-salvazzjoni u twassal għall-konverżjoni tad-dinja. Fil-kuntest tal-Festa ta' Kristu Sultan, il-ġrajja ċentrali tal-kruċifissjoni ssir il-messaġġ ewlieni, għax Kristu l-Mulej isir ir-Re ta' qalbna, fejn il-qawwa tiegħu ma tidhirx permezz tal-forza jew dominanza, imma tal-ħlewwa u t-tjieba li juri magħna. Dan nistgħu narawh fid-djalogu li Ġesù kellu ma’ Pilatu fl-Evanġelju tal-lum. Donnu Ġesù kien qed jidħol bil-mod il-mod fil-qalb ta’ Pilatu, tant li Pilatu nnifsu staqsu dwar il-Verità. Pilatu tħawwad għax ma setax jifhem kif Ġesù kien sultan bla ma kellu ebda armata tipproteġih; ma setax jifhem kif Ġesù baqa’ sieket u kalm, bla ma rritalja u wera l-qawwa tiegħu fil-mument ta’ prova; ma setax jifhem xi tfisser saltna li mhix ta’ din id-dinja. F’dan id-djalogu nistgħu naraw, għalhekk lil Pilatu vulnerabbli, anke jekk kien jaħseb li ħadd ma setgħa għalih. Ġesù jidher fil-kontrol ta’ dan id-djalogu u beda jmexxi lil Pilatu għall-għarfien vera ta’ min kien Ġesù u xi tfisser is-Saltna ta’ Alla. Forsi kienet il-biża’ li żammet lil Pilatu milli jkompli jisma’ leħen il-Mulej u jasal għall-verità. Hu beża’ mil-Lhud, mill-poplu, beża’ li jitlef postu, beża’ mill-imperatur. U l-biża’ wriet id-djgħufija ta’ dan il-biedem, l-aktar meta ddeċieda li jieħu t-triq tal-vjolenza u qatgħa sentenza tal-mewt biex jassigura postu.
Il-festa tal-lum hija wkoll opportunità għalina, sudditi tas-Sultan il-Kbir, biex nirriflettu dwar il-mod kif l-imħabba, it-tjubija u l-umiltà jistgħu jsiru l-elementi tal-poter veru fil-ħajja tagħna; nagħrfu kif il-vulnerabbiltà tista' tiġi meqjusa bħala kapaċità li nagħtu lilna nfusna lill-oħrajn mingħajr biża’ jew preġudizzju. Meta nkunu vulnerabbli, meta nitolbu l-għajnuna, jew meta nesprimu l-emozzjonijiet tagħna, nistgħu ningħaqdu aktar bejnietna u ma' Alla. F'dan il-kuntest, il-vulnerabbiltà mhix dejjem xi ħaġa negattiva, għax twassal għall-empatija u rispett akbar lejn xulxin – u b’hekk issir il-vera setgħa. Nevitaw għalhekk it-triq tal-vjolenza u dejjem nimxu fuq il-passi ta’ Kristu billi nkunu paċifiċi f’kollox. Ejjew nersqu aktar qrib xulxin u nifhmu li aħna lkoll vulnerabbli, imma lkoll għandna ċerta qawwa fina li jekk nużawha sew nagħmlu ħafna ġid lil xulxin. Nitolbu lil Ġesù jkun is-sultan tagħna, biex miegħu nsaltnu u nibnu dinja aħjar.