Riflessjoni għas-Solennita tat-Trinita Qaddisa

Riflessjoni għas-Solennità tat-Trinita Qaddisa

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Ħafna minna nibdew il-ġurnata bir-radd tas-salib, l-istess nagħmlu meta nibdew il-ħidma tagħna jew nkunu se nieklu. Xi wħud iroddu s-salib ukoll meta jgħaddu minn quddiem xi knisja jew xi ċimiterju. Is-sinjal tas-salib hu sinjal tal-fidi li nistqarru,  u għalhekk, bir-raġun kollu nibdew it-talb tagħna bil-kliem: fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.” Matul it-talb spiss inħossu li għandna nagħtu glorja lil Alla, billi nsejħu lit-tlett persuni f’Alla wieħed. Jista’ jkun li kultant nitolbu b’dan il-mod frott id-drawwa, aktar milli għax nifhmu minn hu Alla Trinità. Id-duttrina tat-Trinità mhix duttrina astratta imma hi template fundamentali tar-realtà.  Aktar ma nidħlu fil-fond tal-misteru tat-Trinità, aktar għandna ċans nifhmu l-istess realtà u ma nibqgħux ngħixu f’gidba u f’illużjoni li kultant nsibu ruħna fiha. Id-duttrina tat-Trinità għandha l-qawwa li tibdel l-univers kollu.

Aħna ma nafu xejn fuq dak li nsejħulu Alla, għajr dak li ġie muri lilna minn Alla nnifsu permezz tal-ħolqien u tar-rivelazzjoni sopranaturali. X’sirna nafu? Sirna nafu li l-vera natura ta’ dak li nsejħulu Alla hi komunjoni, miftuħ biex jirċievi u fl-istess ħin jagħti b’ġenerożità perfetta. Alla hu mija fil-mija djaloġu assolut bla ma jfixkel xejn bejn Tlieta.  Il-persuni tat-Trinità Qaddisa jirċievu 'l kollox mingħand xulxin u jagħtu 'l kollox lil xulxin. Ma hemm xejn moħbi minn xulxin, ma hemm xejn li ma jafux fuq xulxin. Quddiem ir-realtà tat-Trinità nagħrfu lil Alla fil-bżonn  ̶  fil-bżonn tal-ieħor u fl-istess ħin naraw lil Alla li jingħata totalment għall-ieħor. Fi kliem ieħor sirna nafu li Alla hu relazzjoni. Dan il-moviment ta’ mħabba wassal għal kreazzjoni ta’ kollox; il-ħolqien sar l-espressjoni tal-ġenerożità perfetta ta’ Alla, kif ukoll il-ftuħ ta’ Alla biex jirċievi b’idejh miftuħa l-frott tar-relazzjoni tiegħu mal-ħolqien.

Il-ħajja ta’ Alla f’relazzjoni tidher ċara fir-realtà tad-dinja maħluqa minnu. Xi ħaġa li anke x-xjenza u l-fiżika qed tkompli tiskopri meta tistudja fil-fond, ir-realtà hi li kollox jinsab f’relazzjoni sħiħa. Meta x-xjentisti jħarsu fil-mikroskopju jaraw li ċ-ċelloli fil-ġisem jinsabu f’relazzjoni bejniethom. L-istess l-astronawti, x’ħin jittawlu fit-teleskopju jinnotaw il-pattern ta’ relazzjoni sħiħa bejn galesija u oħra biex l-univers jibqa’ f’armonija.

Aħna wkoll maħluqin biex ikollna sehem mill-ħajja Trinitarja u għalhekk imsejħin biex ngħixu f’komunjoni. Biex ngħixu fir-realtà hemm bżonn li nimxu fuq il-pattern tat-Trinità qaddisa u nkunu fi djalogu kontinwu ma’ l-ieħor, fejn nirċievu u nagħtu b’ġenerożità. Aħna maħluqa biex inkunu f’relazzjoni ma’ Alla, mal-bnedmin l-oħra u mal-ħolqien kollu.  F’dak il-mument li ma nibqgħux nirċievu u nagħtu b’ġenerożità, f’dak il-mument li ma nibqgħux f’komunjoni, f’dak il-mument li jinqata’ d-djalogu, f’dak il-ħin li nieqfu nirrelataw, inkunu qed ninqatgħu mir-realtà u nibdew ngħixu fl-illużjoni u f’gidba. Ngħixu fil-gidba li dak li għandna hu bil-ħila tagħna u mhux għax irċievejnieh, ngħix fil-gidba li aħna ndipendenti u kapaċi ngħaddu mingħajr l-oħrajn, ngħixu fil-gidba li twassalna biex naħsbu li jekk naħkmu u niddominaw nkunu aktar moħħna mistrieħ, ngħixu fil-gidba tar-rebgħa u naħsbu li aktar ma jkollok aktar tkun kuntent. Dan kollu hu li d-dinja qed tipromwovi għax ma baqgħetx timxi mat-template tat-Trinità Qaddisa.

U mhux għalhekk id-dinja għandha bżonn konverżjoni! Id-dinja inqatgħet mir-realtà u qed tgħix f’gidba, qed tgħix f’illużjoni. Id-dinja għandha bżonn terġa’ tiskopri l-bżonn li tuża’ it-template tal-ħallieq, u tieqaf tipproduċi individwi maħkuma mis-suppervja u li jinqatgħu għal rashom, imma tibni aktar komunitajiet fejn kulħadd jagħraf li hu qed jipparteċipa minn xi ħaġa akbar. Komunitajiet li fihom nirrealizzaw li aħna bżonn xulxin u li nistgħu ningħataw għal xulxin. Hekk biss nistgħu nesperjenzaw is-salvazzjoni għax ma nibqgħux ngħixu fil-gidba imma nsiru ħaġa waħda mar-realtà kif għamilha Alla nnifsu.