Riflessjoni għat-2 Ħadd tal-Għid

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Ma rridx inqajjem xi diskussjoni għalxejn, l-anqas noħloq xi kontroversja bejn l-irġiel u n-nisa, imma normalment meta wieħed jitkellem dwar l-irġiel, malajr jiġu f’moħħu numru ta’ karatteristiċi bħal: saħħa, kuraġġ, ambizzjoni, sigurtà, sodezza, determinazzjoni eċċ. Forsi mhux ta’ b’xejn  nużaw il-kelma rġulija biex niddiskrivu lil xi ħadd li jżomm kelmtu u li hu sod fil-prinċipji u l-valuri tiegħu!  Forsi tgħiduli: imma mhux bilfors l-irġiel kollha huma hekk? U jkollkom raġun! llum fl-Evanġelju għandna quddiemna rġiel imbeżżgħa u mħawda, irġiel imsakkra fihom infushom, irġiel li ddubitaw, irġiel li marru lura minn kelmithom, irġiel falluti, irġiel konfużi, irġiel li ma jafux x’se jagħmlu bihom infushom. 

Fir-realtà lkoll kemm aħna nsibu ruħna f’din is-sitwazzjoni; ma hemmx irġiel u nisa f’din il-ħaġa. Jekk nieqfu nirriflettu ftit iIkoll insibu ġewwa fina sew kuraġġ u sew biża’, sew determinazzjoni u sew qtiegħ ta’ qalb, insibu kemm suċċessi u kemm fallimenti, ilkoll kemm aħna jkollna mumenti li nħossu li xejn ma jista’ għalina u li kapaċi nidħlu għal kollox, nissaportu kollox, u fl-istess ħin jiġu mumenti li fihom inħossuna bla ħila u donnu li kollox jaqtgħalna qalbna. 

Kien eżattament f’dan il-mument, li fih id-djgħufija dehret fl-aqwa tagħha, meta Ġesù waqaf f’nofshom. Ġesù ried joħroġ l-aqwa tagħhom fil-mument li d-dixxipli ħassew li ma huma xejn, u li ma kienu xejn aqwa mill-oħrajn anke jekk kienu l-magħżulin tal-Mulej.  It-tislima ta’ Ġesù: il-paċi magħkom, kienet neċessarja biex huma jsibu l-paċi magħhom infushom u biex ikunu kapaċi jżewġu flimkien is-suċċessi mal-fallimenti. Kienet tislima bżonjuża biex ikunu jistgħu jagħrfu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom waqt li jaċċettaw il-limitazzjonijiet u djgħufijiet tagħhom. Din it-tislima għenithom jagħrfu li huma, għalkemm midinbin u infidili peress li marru lura minn kelmithom, huma maħfura u maħbuba kif inhuma. U għalhekk, din it-tislima saħħet il-kunfidenza fihom infushom. Ġesù mhux sellmilhom bil-kliem il-paċi magħkom biss, imma dak inhar reġa’ afdalhom missjoni ferm akbar minn qatt qabel. Ġesù ma stenniex perfezzjoni mid-dixxipli u l-appostli tiegħu, għax kien jaf li għażel bnedmin tad-demm u tal-laħam. 

Kemm neħtieġu li aħna wkoll nisimgħu din it-tislima!  Tislima li għandu  bżonn kull min għadu ppersegwitat b’xi dnub jew b’xi falliment tal-passat, kull min għadu ma jistax jaħfira lilu nnifsu għal xi deċiżjoni żbaljata li ħa jew minħabba xi żbal li għamel, u kull min iħoss li hu vittma ta’ ħaddieħor jew ta’ xi vizzju.  Anke minn jaħseb li hu tajjeb u li hu eżatt f’kollox, għandu bżonn jisma’ din it-tislima tal-paċi ta’ Kristu Rxoxt, peress li għadu mjassar fl-idea tiegħu nnifsu li ma tħalliħx jara min tassew hu.  Quddiem Kristu Rxoxt aħna nagħrfu l-ġrieħi tagħna.  Iżda fis-sinjali tal-pjaġi li jidhru fuq il-ġisem glorjuż, ma narawx biss il-feriti tagħna, imma wkoll kif Ġesù dewwa dawn il-feriti bil-pjagi tiegħu stess.  Quddiem dan l-għarfien, naslu biex aħna wkoll niskopru dejjem aktar il-missjoni li Ġesù’ jafda f’idejna; iridna li nwasslu l-ħniena u l-maħfra ta’ Alla lill-oħrajn.

Illum qed nagħmlu l-festa tal-Ħniena Divina, festa li propju tfakkarna f’min hu Alla għalina – Alla ħanin, Alla li jaħfer, Alla li jagħti l-grazzja tiegħu. Meta Tumas għamel l-esperjenza ta’ dan Alla f’Ġesù Kristu rxuxtat, ħareġ minn qalbu stqarrija konvinta tal-‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi.’ Tumas għaraf lil Ġesù bħala Alla ħanin, propju fil-mument tad-dubju u d-djgħufija. Ejjew aħna wkoll inħallu lill-Mulej jersaq lejna, jurina l-pjagi tiegħu u fihom insibu l-fejqan tal-ġrieħi tagħna biex aħna wkoll nistqarru b’konvinzjoni: Mulej tiegħi u Alla tiegħi.  Ejjew inwettqu l-missjoni afdata f’idejna billi ma niddejqux nistqarru ma’ xulxin il-ħniena li Alla wera magħna.