Riflessjoni għat-2 Ħadd tas-sena Liturġika

minn Dun Bastjan Caruana.

Qatt marret għajnejk bik waqt xi omelija jew waqt xi quddiesa? Qatt irqadt fil-knisja? Ħaġa żgħira li xi darba jew oħra konna tant għajjenin li marret għajnejna bina hekk kif sibna ruħna fis-skiet. Imma naħseb li hi ħafna aktar faċli li nsibu ruħna noħolmu u naħsbu f’affarijiet differenti meta nkunu l-knisja. Dan jiġri l-aktar meta nsibu ruħna f’rutina jew inkella meta nħossu li qed ikun hemm ripetizzjoni; tiġri meta xi ftit jew wisq kollox ikun l-istess bħas-soltu jew, kif jgħidu xi wħud, meta nsibu xi qassis jeqred. Mill-banda l-oħra, tkun diffiċli torqod meta jkun hemm xi omelija li tmissna u tolqotna fil-laħam il-ħaj. Omelija bħal din tħallina naħsbu u nirriflettu u wara x’aktarx ngħidu kemm kienet interssanti.

Fl-ewwel qari tal-lum għandna lil Samwel rieqed fit-tempju ta’ Shiloh. Aktar minn kollox dan id-dettal jurina li Samwel kien jgħix fi żmien meta kważi ħadd ma kien jagħti każ lil Alla.  Kien żmien li fih il-profeti kienu rari u anke l-qassisin ma kienux wisq imħeġġa u effettivi.  F’din is-silta anke l-qassis il-kbir Għeli, jidher li kien rieqed! Dam ma ntebah li kien Alla li qed isejjaħ lil Samwel.  Imma anke fil-ħajja personali tiegħu, għalkemm kien qassis, Għeli kien iħalli kollox għaddej, dara kollox u, għalhekk, ftit kien iħoss il-preżenza ta’ Alla. Biżżejjed ngħidu li Għeli kien iħalli liż-żewġ uliedu, li wkoll kienu qassisin, jiżbaljaw bla ma jikkoreġihom. Huma kienu jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom u kienu korrotti.  Jidher li għal Għeli, xejn ma hu xejn.

Imma f’sitwazzjoni mdallma bħal din, il-musbieħ fit-tempju kien għadu ma ntefiex. Il-Kelma tal-Mulej baqgħet tasal, f’dan il-każ permezz ta’ tfajjel. Alla ried jibda paġna ġdida u sejjaħ lil Samwel. Minkejja li Għeli kien rieqed spiritwalment, Samwel intebaħ li kien Alla qed isejjaħlu bil-għajnuna tiegħu.  Hu nduna li Alla kien qed jitkellem permezz tat-tfajjel Samwel, u qam mir-raqda li kien fiha.

Qed ngħixu f’dinja simili ħafna għal dik ta’ żmien Samwel; dinja sekularizzata li fiha Alla ftit għandu spazju. F’din id-dinja kollox indera, u donnu xejn ma hu xejn. F’din id-dinja nfittxu dak li jaqblilna fil-mument, u ma niddejqux ngħawwġu xi ftit il-linji biex inġibu l-affarijiet kif irridu. Fiha ssib minn jibqa’ lura milli jikkoreġi lil uliedu li jkunu qed jiżbaljaw biex ma jurthomx. Fiha nsibu minn lest li jinqeda b’nies vulnerabbli biex isaħħah il-profitti tal-business tiegħu. Fiha ssib minn jieħu vantaġġ billi jitħabbeb ma’ min għandu s-saħħa biex li jkollu bżonn jieħdu. Fiha niġġieldu biex nieħdu drittijiet bla ma nagħtu wisq każ tad-dmirjiet li għandna.  F’din id-dinja sekularizzata, qisu anke n-nies tal-knisja jħossuhom li qegħdin fid-dlam, b’qalbhom maqtuha minħabba dak li qed jiġri madwarhom. Imma, iva, l-Kelma tal-Mulej għadha tasal illum ukoll.  

U din hi tassew aħbar tajba anke għalina llum.  Alla għadu jitkellem, u ħafna drabi Alla jkellimna b’modi differenti. Hu jista’ jkellimna fis-skiet tal-qalb tagħna. Biex nagħrfu dak li Alla jrid jgħidilna f’qalbna, għandna bżonn gwida – speċi ta’ mentor – direttur spiritwali. Għeli kien il-mentor ta’ Samwel, għenu jiddixxerni u jagħraf il-vuċi ta’ Alla. Jista’ jkun li xi drabi nħossu dik il-vuċi ġo fina li tkellimna b’mod tassew qawwi imma ma nkunux nafu xi tfisser eżatt, jew naħsbu li qed nimmaġinaw li qed inħossu u nisimgħu xi ħaġa li mhix minnha. Meta nitkellmu ma’ xi ħadd imħarreġ fid-direzzjoni spritwali jista’ jgħinna niddixxernu u nifhmu dik l-vuċi nterna. Ma niddejqux infittxu direzzjoni spritwali.

Alla jista’ jkellimna wkoll permezz ta’ oħrajn, kif għamel fil-każ ta’ Indri u d-dixxiplu l-ieħor ta’ Ġwanni. Alla nqegħda bi Ġwanni l-Battista li għenhom jagħrfu lil Ġesù, meta qalilhom “araw il-ħaruf ta’ Alla.” Huma marru warajh, u Ġesù ħares lejhom. Kienet ħarsa ta’ stedina, kienet ħarsa ta’ mħabba, kienet ħarsa li uriethom li Hu kien jafhom sew; kien jaf li qed ifittxu d-dawl fid-dlam li kienu fih. Ma ninsewx li kienu dixxipli ta’ Ġwanni, u għalhekk kienu għarfu li huma midinbin – dik kienet il-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battisa, li jistieden lill-midinbin għall-indiema biex iħejju ruħhom għall-messija. F’dak il-jum li għamlu ma’ Ġesù, għarfu li Hu kien dawl u seta’ jdawlilhom ħajjithom. Indri mill-ewwel mar u qasam din l-esperjenza ma’ ħuh Pietru. Alla kellem lil Pietru permezz ta’ ħuh Indri.

Alla jista’ jkellimna b’diversi modi, jkellimna u jsejħilna biex noqgħodu miegħu, fit-tempju tiegħu. Fit-tieni qari, San Pawl jgħidilna li aħna t-tempju tal-Mulej. Alla jgħammar fina – ejjew ma ninsewx dan. Inkunu ma’ Alla jfisser ukoll li nkunu magħna nfusna. Li ngħamru fid-dar tal-Mulej ifisser li ma nkunux maqtugħin minnha nfusna. Li nisimgħu lil Alla jkellimna jfisser ukoll li nisimgħu lilna nfusna bla ma nipprovaw naħarbu minnha nfusna u naljenaw rasna f’ħafna affarijiet oħra. Ejjew illum nadduh mal-Mulej, ngħixuh magħna nfusna.