Riflessjoni għat-28 Ħadd tas-sena Liturġika

Riflessjoni għat-28 Ħadd tas-sena Liturġika

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Bħal dan iż-żmien tas-sena, ħafna nies jiftħu l-gwardarobbi tagħhom biex jorganiżżawhom u jlestuhom għax-xitwa. Nimmaġina li diversi jsibu ruħhom fi problema ta’ spazju.  Min jaf kemm ikun hemm ħwejjeġ li jkunu ilhom ma jintlibsu u forsi wkoll ma jkunux għadhom jiġu lil dak li jkun. Imma tiġik ir-reqqa biex taqbad u tarmi jew biex tagħtihom lil xi ħaddieħor,  jekk ikunu għadhom tajbin. Donnu xi lbiesi jibqgħu jġorru magħhom memorji għax ikunu ntużaw f’okkażżjonijiet partikulari. Il-biċċa hi li ma tistax tibqa’ żżid il-ġdid jekk ma tagħmilx spazju fil-gwardarobba!

L-istess meta nitkellmu mill-ħajja tagħna: biex nakkwistaw ġid ġdid għandna bżonn li fiha jkun hemm l-ispazju meħtieġ. Il-kelma ta’ Alla llum titkellem minn diversi ġid: hemm ġid materjali, ġid tal-moħħ u hemm ġid tal-qalb.

  • Il-ġid materjali hu dak li nista’ nixtri u nakkw Bla dubju hu ġid meħtieġ biex ngħixu f’din id-dinja. Il-Lhud kienu jqisu dan il-ġid bħala barka t’Alla u kienu jħarsu lejh bħala riġal li Alla jagħti lit-tajbin. Imma hemm periklu kbir li teħel fuq dan il-livell u tieqaf tfittex ġid ieħor. Ħafna nies isibu ruħhom komdi b’dan il-ġid u jeħlu miegħu għax iħossuhom moħħhom mistrieħ.
  • Il-ġid tal-moħħ hu l-intelliġenza tal-bniedem li jiġi mhux biss mill-istudju u l-edukazzjoni, imma wkoll mir-rabta ma’ Alla li hu ntelliġenza perfetta. Dan hu l-għerf li Alla ta lil Salumun, hu ġid aqwa minn kull ġid ieħor, aqwa minn kull setgħa, aqwa minn kull saħħa. Fl-ewwel qari tal-lum nisimgħu lil Salamun stess jitkellem minn dan l-għerf. Hu għerf li jwasslek biex tħares lejn il-ħajja mill-perspettiva ta’ Alla. Għerf li hu frott ta’ ntimità ma’ Alla u li jgħinek tifhem dak li tkun qed tgħaddi minnu f’ħajtek. Dan l-għerf jgħinek tiskopri x’għandek tagħmel mill-ġid li għandek, mill-poter li jkollok f’idejk, minn intelliġenza u t-talenti tiegħek.
  • Il-ġid tal-qalb, hu ġid li jiġi sew fuq il-ġid materjali kif ukoll fuq il-ġid tal-moħħ. Dan il-ġid iwasslek li tagħti kollox u timxi wara l-Mulej b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’dak kollu li int. Meta l-Mulej jistedinna nimxu warajh ikun qed jistedinna biex nagħtuh imħabbitna kollha, lilna nfusna kollna kemm aħna, fi kliem ieħor ikun qed jistedinna nitwaħħdu miegħu.

Quddiemna illum għandna raġel għani – “kellu ħafna ġid”, imma kien iħoss li jonqsu xi ħaġa aktar prezzjuża. Mar jistaqsi lil Ġesù x’għandu jagħmel biex jakkwista dan il-ġid. Ġesù ħadu fuq il-livell tal-moħħ; fakkru f’dak li kien tgħallem – il-kmandamenti. Dan ir-raġel mhux biss kien jafhom imma wkoll kien jgħixhom. Kien bniedem edukat u mgħarraf sew. Dan ir-raġel kellu wkoll b’xi mod il-ġid tal-moħħ imma, kien  jonqsu aktar minn dan l-għerf qaddis biex jgħaraf jimxi ‘l quddiem. Ġesù ħares lejh b’imħabba u ried jgħinu jimxi lejn l-għerf tal-qalb. Dan ir-raġel kellu bżonn l-għerf qaddis biex jgħaraf jgħażel bejn dak li hu tajjeb.  Kultant hu aktar diffiċli tgħażel bejn tajjeb u tajjeb milli bejn it-tajjeb u l-ħażin. Kien raġel tajjeb – kien iħares il-kmandamenti, imma ħass li hemm tajjeb ieħor li kien għadu ma skoprieħx.

Ġesù talbu jgħamel spażju f’ħajtu għal dan il-ġid għola. Ġesù qallu tajjeb: “mur biegħ kull ma’ għandek” – qallu biex ma jieqafx fuq il-ġid tal-ġisem, l-anqas fuq dak li kien jaf u tgħallem fi ċkunitu imma talbu jimxi lejn il-ġid tal-qalb, billi jmur ibiegħ kull ma għandu u jagħtih lill-foqra – ried imexxih lejn livell għola. Imxi ‘l quddiem u ssir dixxiplu tiegħi – “imxi warajja.”  Għamillu sejħa tal-qalb. Fil-mument kruċjali tad-deċiżjoni sabha diffiċli, għax ma kienx lest li jitlaq minn idejh il-ġid li kien akkwista, u sab lilu nnifsu jirritorna lura lejn is-safety u s-security tiegħu.

Il-Mulej qed jagħmel l-istess sejħa lilna biex nimxu lejn ġid għola, imma qed jitlobna wkoll li nħollu kull irbit u nitilqu minn idejna dak kollu li jista’ jkun rabta.