Riflessjoni tat-3 Ħadd tal-Għid

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Back to school: din il-ġimgħa erġajna rajna lit-tfal lura fl-iskejjel; numru ta’ tfal ħadu gost li reġgħu lura, imma żġur li kien hemm min irritorna kontra qalbu. Mhux it-tfal biss jgħaddu minn dan; għal ħafna t-Tnejn filgħodu wara weekend, hu ftit iebes biex tirritorna għax-xogħol.  Tiġrilna wkoll wara xi vaganza; biex tirritorna lura għall-ħajja ta’ kuljum mhux dejjem tkun daqshekk sempliċi.  Imma meta tkun taf li hemm xi ħadd jistenniek, meta tħoss li qed tirritorna f’ambjent li fih tħossok milqgħuh jew meta tħoss li għandek x’tirrakonta u x’taqsam mal-oħrajn tirritorna b’entużjażmu u ħeġġa.  Din l-ġimgħa ħafna tfal ħadu gost jerġgħu jaraw lil ħbiebhom u jirrakkontaw x’għamlu matul iż-żmien li għamlu d-dar u matul il-vaġanzi tal-Għid.   

Fl-Evanġelju tal-lum ukoll insibu ritorn ta’ żewġ dixxipli li kienu ħallew lil sħabhom biex imorru lura lejn id-dar f’Emmaus. Kienu telqu qalbhom maqsuma u diżilużi għall- aħħar. Imma meta rritornaw lura ġew mimlija enerġija u ħeġġa waqt li rrakuntaw dak li ġralhom fit-triq u kif għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż. Irritornaw bħala bnedmin ġodda anke jekk ivjaġġaw lura fid-dlam tal-lejl; dlam li kienu qed jibżgħu minnu, tant li qalu lir-raġel stranġier (Ġesù): “ibqa’ magħna għax issa sar ħafna ħin u l-lejl daħal ġmielu.”  Issa kellhom aħbar x’jaqsmu ma’ sħabhom li ma setgħetx tistenna għall-għada. Ġesù li qam mill-mewt kien qed jivjaġġa magħhom, anke jekk ma kienux qed jarawh.  Kif rritornaw lura fil-komunità, irritorna wkoll Ġesù. Ġesù reġgħa waqaf f’nofshom u qalilhom “il-paċi magħkom.”  Dan ir-ritorn ta’ Ġesù ħaj, kompla jsaħħah lid-dixxipli fil-fidi, kompla jkabbarhom fl-imħabba lejh u lejn xulxin, u kompla jiċċaralhom il-missjoni ġdida li issa għafdalhom f’idejhom. Mill-ġdid huma ma setgħux jagħrfuh, tant li ħasbuh fantażma; dan jurina li Ġesù jirritorna b’mod ġdid u mhux dejjem faċli li wieħed jagħrfu.

Illum aħna wkoll qed nirritornaw lura lejn il-knejjes tagħna, wara dan iż-żmien ta’ lockdown parzjali. Qed niġu lura lejn il-komunità nisranija biex flimkien inħossu wkoll ir-ritorn ta’ Ġesù rxoxt fostna. Qed niġu lura mibdula, b’esperjenzi ġodda, kif ġew lura d-dixxipli ta’ Emmaws; forsi aħna wkoll f’dan iż-żmien iltqajna mal-Mulej irxoxtat fit-talb personali tagħna, jew fit-talb mal-familja tagħna, jew forsi ltaqjna miegħu fit-tbatija u l-mard tagħna jew ta’ xi ħadd għażiż għalina, jew forsi ltqajna mal-Mulej irxuxtat f’xi persuna li għinniha mill-aħjar li stajna. Naħseb li lkoll għandna x’nirrakontaw. Ma niddejqux nirrankkontaw lil xulxin, għax meta nisimgħu kif il-Mulej qed jaħdem f’persuni differenti aktar nissaħħu fil-fidi tagħna.

Imma issa mportanti il ma nikkuntentawx biss għall-fatt li nistgħu nerġgħu niġu l-knisja u naqbdu r-rutina tas-soltu. Mhux daqshekk neċessarju li kollox jieħu postu bħalma kien qabel, imma hemm bżonn li aktar inkunu miftuħa għall-preżenza ta’ Kristu Rxoxt li ħafna drabi jidher b’mod ġdid.   Fost l-oħrajn hemm bżonn li ngħinu lil ħafna oħrajn li telqu u għadhom jiġġerrew fit-triq (lejn Emmaus) jipprovaw ifittxu dar (fejn iħossuhom f’posthom); ngħinuhom biex  jirritornaw fi ħdan il-komunità li temmen. Jista’ jkun li dan jitlob minna mpenn, għax jitlob minna li nersqu lejhom u ngħinuhom ifiequ mill-weġgħat u d-dubji tagħhom, ngħinuhom jirbħu s-sens ta’ diżappunt u d-diżullużjonijiet tagħhom u fejn hemm bżonn ngħinuhom jirrikonċiljaw ruħhom magħhom infushom, mal-komunità u ma’ Alla l-Imbierek.

Niftakkru li Kull meta tirritorna persuna lura lejn il-komunità, jkun qed jirritorna Kristu rxuxtat.  Ejjew illum nieqfu u narawh f’xulxin, waqt li qed nirritornaw aħna u nerġgħu niltaqgħu wiċċ imb’ wiċċ flimkien.