Riflessjoni għat-30 Ħadd tas-sena Liturġika.

Riflessjoni għat-30 Ħadd tas-sena Liturġika

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Ix-xiri hu parti mill-attività tagħna tal-ħajja ta’ kuljum. Hawn min l-għaxqa tiegħu meta jmur jixtri, u hawn min isibha ferm iebsa biex jidħol f’ħanut. Issib min jieħu gost idur minn ħanut għall-ieħor jew imur sas-suq biex forsi jsib xi ħaġa li tgħodd għalih u hawn min jikteb x’irid jixtri biex jinqgħeda malajr kemm jista’ jkun bla ma jinsa xi ħaġa neċessarja. Forsi ġieli wkoll wieħed isib ruħu f’ħanut bla ma jkun jaf eżatt xi jrid, bħal per eżempju meta jkun irid isib xi rigal għal xi ħadd qrib tiegħu. Immaġinak f’sitwazzjoni bħal din u jersaq lejk is-sales person  jistaqsik “x’għandek bżonn?”, jew “f’ħiex nista’ ngħinek?”  Kif tħossok? Tieħu gost għax issib min jigwidak u jgħinek issib dak li trid jew tħossok imbarazzat għax ma tafx eżatt kif se twieġbu?

Illum għandna quddiemna lil Ġesù li jistaqsi lil wieħed raġel tallab u għama, li kien f’ġenb tat-triq, “xi tridni nagħmillek?” Din l-mistoqsija tista’ tħawwadna u tfixkilna, imma wkoll hi mistoqsija li ġġalna nirriflettu dwar x’qegħdin tassew infittxu fil-ħajja, għal x’hiex qed ngħixu u x’qed nitolbu. Aħna, b’xi mod jew ieħor ilkoll aħna tallaba: min jitlob bżonnijiet materjali, min jitlob l-attenzjoni, min jitlob sigurtà, min jitlob rispett mingħand l-oħrajn, u min qed jitlob xi ftit imħabba. Il-biċċa hi li mhux dejjem inkunu konxji tal-bżonnijiet vera tagħna, u nispiċċaw nitħabtu fix-xejn bla ma dawn l-istess bżonnijiet jiġu sodifatti.  Meta nagħrfu x’inhuma l-bżonnijiet vera tagħna, nkunu nistgħu nfittxu fejn għandna nfittxu u nitolbu lil min għandna nitolbu.  Bartilmew l-għama kien jaf li hu fil-bżonn anke għall-għajxien tiegħu ta’ kuljum, tant li kontinwament kien jittalab l-ikel tiegħu mingħand in-nies li kienu jgħaddu minn dak il-post. Ħafna drabi kien isib min iħenn għalih u jagħtih x’jiekol! Imma Bartilmew kien jaf ukoll li kellu bżonnijiet oħra li n-nies ma setgħux jgħinuh fihom. Kien għalhekk li kif sema’ li Ġesù kien għaddej minn hemm beda jgħajjat: “Ġesù bin David ikollok ħniena minni,” għax emmen li Ġesù seta’ jagħtih dak li ħaddieħor ma setax.  Bartilmew ried li jinfetħulu għajnejh, mhux biss l-għajnejn tal-ġisem imma ried ukoll li jkun kapaċi jara bl-għajnejn spiritwali – xtaq  jara lil Alla.

Imma mhux Bartilmew biss kellu bżonn li jara spiritwalment, il-folla li kienet miexja ma Ġesù wkoll kienet għamja. Id-differenza bejn Bartilmew u l-folla hi, li waqt li hu kien konxju ta’ dan il-bżonn, il-folla ma kienitx. Il-folla ma rrealizzatx li kienet għamja u għalhekk ma ħassitx il-bżonn tal-għajnuna ta’ Kristu. Minkejja li kienu segwaċi ta’ Ġesù, ma kienux qed jaraw li Ġesù seta’ jagħti dak li l-għama kien qed jitlob, u għalhekk  ipprovaw isiktuh. Il-folla flok għinitu, telfitu, flok resqet it-talba tal-għama għand Ġesù riedet tgħalaqlu ħalqu. Ġesù, għalhekk, ried li jgħin ukoll il-ġemgħa, u flok qabad u resaq lejn Bartilmew l-għama, talab lill-folla biex iresquh quddiemu. B’dan il-mod fetaħ għajnejn il-ġemgħa biex jaraw il-qawwa ta’ Ġesù u emmnu fih.  

F’dan ir-rakkont nistgħu nilmħu wkoll il-bżonn tal-konverżjoni tal-knisja. Kultant il-knisja, minkejja li qed timxi ma’ Ġesù, tista’ tfixkel lil xi wħud milli jgħarfu lil Ġesù bħala s-salvatur tagħhom. Il-ġemgħa ta’ dawk li jemmnu jistgħu wkoll jiddubitaw kemm Ġesù kapaċi jagħmel xi ħaġa quddiem sitwazzjonijiet imwera. Il-knisja tista’ tagħmel għażliet li bihom issikket lil min ikun qed jgħajjat għall-għajnuna.  Iżda bħalma Ġesù nqegħda bil-folla tan-nies biex l-għama jersaq qrib, hekk ukoll illum jinqgħeda bil-knisja biex iressaq nies emarġinati (li jinsabu fil-ġenb tat-triq) lejn Kristu.  Minkejja l-limtazzjonijiet u n-nuqqasijiet tagħna bħala knisja, minkejja d-djgħufijiet u d-dnubiet tagħna, ejjew nagħrfu s-sejħa li l-Mulej qed jgħamlilna biex nersqu lejn min qed jitkarrab għall-għajnuna, innewlulu jdejna u ngħinuh jersaq lejn Ġesù. B’hekk bħal Bartilmew dawn il-persuni jsibu t-triq biex ikomplu jimxu mal-knisja fit-triq tal-Mulej, u l-istess ħin, aħna bħala knisja, nagħrfu aktar minn  hu Ġesù Kristu.

Illum qed niċċelebraw jum il-missjoni; u tajjeb li nkomplu nagħrfu lill-knisja bħala knisja missjunarja. Nitolbu lill-Mulej jgħinna ngħarfu aħjar il-missjoni tagħna li nersqu lejn min hu fil-bżonn u ngħinuh jimxi sa ma jsib lill-Kristu li jista’ jiftaħ l-għajnejn spiritwali.