Riflessjoni għat-Tifkira Solenni tal-Għid tal-Imwiet

Riflessjoni għat-Tifkira Solenni tal-Għid tal-Imwiet

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Il-ħajja tagħna hi mżewqa b’ferħ u niket, b’mumenti sbieħ u oħrajn ta’ tbatija. Fil-memorji sbieħ nagħmlu minn kollox biex ingawdu kemm nistgħu u nippruvaw nippreservaw dak il-mument b’tifkiriet (ritratti, filmati jew inkella souvenirs tal-okkażjoni). Għall-kuntrarju fil-mumenti diffiċli, qalbna titqal. Waqt il-prova, faċli nilmentaw u nistaqsu: “Għaliex Mulej?” Din il-mistoqsija mhix xi waħda ġdida. Minn dejjem il-bniedem fittex li jifhem għaliex it-tbatija, għaliex il-mewt? Għaliex ħafna drabi jidher li l-ġust isofri waqt li l-ħażin jirnexxi. Fid-dawl ta’ dan, il-Kelma ta’ Alla tagħtina l-figura ta’ Ġob, raġel li kien “bla ħtija u ġust,” iżda li f’daqqa waħda tilef kollox: il-ġid, l-ulied, is-saħħa u l-paċi. U x’jagħmel Ġob? Fil-bidu jrodd ħajr lil Alla u jgħid: “Il-Mulej tani, u l-Mulej ħadli; ikun imbierek isem il-Mulej.” (Ġob 1:21) Imma hekk kif it-tbatija ppersistiet, Ġob jibda jilmenta. Iħossu mkisser, iħoss li Alla tbiegħed minnu. Jgħid kliem ta’ disperazzjoni bħal: “Għaliex twelidt? Għaliex ma mittx f’ġuf ommi?” (Ġob 3:11). U hawn, naraw fejn tidħol il-fidi vera. Il-fidi mhix biss li temmen meta kollox ikun miexi sew, imma li tkompli titkellem ma’ Alla anke meta ma tifhmux. Ġob ma waqafx jitlob, ma waqafx jiddjaloga, ma waqafx jilmenta ma’ Alla. Imma xorta waħda ma ħadiex kontra Alla. Hemm differenza kbira bejn tilmenta ma’ Alla għal li toħodha kontrih.

Ħafna drabi aħna wkoll inħossuna bħal Ġob: ngħaddu minn tbatija li ma nifhmuhiex, nesperjenzaw mumenti ta’ dalma u ngħaddu minn kriżijiet qawwija. Mhux l-ewwel darba li f’dawn il-mumenti nesperjenzaw ukoll silenzju min-naħa ta’ Alla, silenzju li jħawwadna. Ġob ukoll daq dan is-silenzju. Imma l-ġrajja ta’ Ġob tassigurana li Alla jismagħna kull meta nokorbu u nilmentaw quddiemu, meta l-kliem tagħna jkun imħallat b’uġigħ u konfużjoni. Alla ma jikkundannax lil Ġob għaliex ilmenta; anzi, fl-aħħar jgħid lil sħabu: “Intom ma tkellimtux sewwa fuqi bħalma tkellem il-qaddej tiegħi Ġob.” (Ġob 42:7)  Alla jrid qalb sinċiera, anke jekk feruta u mbikkija. Għaldaqstant il-fidi vera mhix li dejjem tgħid li kollox sejjer tajjeb, imma li tkun kapaċi tieqaf kif int quddiem Alla, waqt li tkompli tafdah anke fil-lejl mudlam tal-prova. Meta fl-aħħar Alla jwieġeb lil Ġob, ma jagħtihx spjegazzjoni loġika, imma juri l-kobor tiegħu fis-sbuħija tal-ħolqien, u fil-qawwa tal-imħabba tiegħu. Ġob jinduna li, minkejja kollox, Alla kien dejjem hemm. Din hi l-milja tal-fidi: li mill-ilment naslu għall-għarfien personali ta’ Alla, mhux bħala idea, imma bħala Persuna li tħobbna u tibqa’ magħna. Hi fidi li toħodna 'l hemm minn din l-ħajja.

Illum il-knisja qed tistedinna niftakru u nitolbu għal dawk li ħallew din id-dinja, għall-maħbubin tagħna li daħlu għall-mistrieħ ta’ Alla. F’dan il-jum, il-Knisja tħares bl-għajnejn ta’ fidi lejn il-misteru tal-ħajja u l-mewt, u tfakkarna li aħna lkoll parti minn vjaġġ wieħed – vjaġġ li jibda bil-ħajja fuq din l-art u jkompli fil-ħajja li ma tispiċċa qatt. Il-Kelma ta’ Alla llum tfakkarna fil-wegħda ta’ Kristu, li qal: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja; min jemmen fija, anke jekk imut, jgħix.” (Ġwanni 11:25) Il-mewt, għalina l-Insara, mhix tmiem, imma mgħodija għall-ħajja li ma tintemm qatt,  fejn ma jkunx hemm aktar dmugħ, tbatija jew firda.  Ħafna drabi l-mewt tnikkitna u tagħtina sens qawwi ta’ telfa. Imma l-kelma ta’ Alla twassalna li nħarsu lejn il-mewt b’fidi fil-qawmien ta’ Kristu u mhux b’biża. Ġesù rebaħ lill-mewt, u miegħu ngħixu aħna wkoll,  Meta niftakru fil-mejtin tagħna, nimtlew bit-tama li l-wegħda ta’ Ġesù verament se sseħħ – dik il-wegħda li hu jagħti l-ħajja ta’ dejjem lil kull min jemmen fih. Fl-Evanġelju tal-lum jgħid: “Kull min jara l-Iben u jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jien inqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum,” hekk qal Ġesù lin-nies miġbura.

It-tifkira ssir talba, u t-talba ssir rabta ta’ mħabba li tgħaqqadna ma’ dawk li jinsabu f’idejn Alla. Għalhekk, kull darba li nitolbu għall-mejtin, inkunu qegħdin nuru li nemmnu fil-ħniena ta’ Alla, li ma jinsa lil ħadd. Il-ħniena ta’ Alla hi ferm akbar minn kull ħtija tagħna. Għalhekk, illum nitolbu biex dawk kollha li l-mewt firdithom minna, jidħlu fil-mistrieħ tiegħu u jgawdu d-dawl tiegħu ta’ dejjem. U fl-istess ħin, nitolbu għalina wkoll biex ngħixu b’tali mod li nħejju ruħna għal dik il-laqgħa ma’ Kristu, meta jasal il-ħin tagħna. Niftakru li l-imħabba ma tmut qatt. Dak li nbeda f’imħabba fuq din l-art jibqa’ għal dejjem.