Riflessjoni ta' 19 -il Ħadd tas-sena liturġika

Forsi nkun qed nesaġera jekk ngħid li kull jum f’xi mkien jew ieħor tad-dinja naraw nies li jingħaqdu flimkien fi protesti, f’dimostrazzjonijiet, f’petizzjonijiet biex b’xi mod jew ieħor juru t-tħassib u l-inkwiet tagħhom. Imma ma naħsibx li nkun qed nesaġera jekk ngħid li l-ħin kollu fuq l-media soċjali naraw kummenti li jistgħu iqanqlu fina ċerta emozzjonijiet li ma jħalluniex kwieti. Faċli ħafna li dak li naraw u nisimgħu jqanqal il-maltemp ġewwa fina, faċli ħafna li nitilfu l-paċi ta’ qalbna quddiem l-aħbarijiet tal-ġurnata, faċli ħafna li r-reazjonijiet tal-oħrajn iġagħluna nikkumentaw jew nieħdu pożizzjonijiet favur jew kontra. Aħna ninfluwenzaw u naffettwaw lil xulxin; u ħafna drabi nikkalmaw jew nirvellaw lil xulxin.

Dak li ġara fid-dixxipli meta sabu ruħhom f’nofs ta’ baħar imqalleb. Ħassewhom weħedhom quddiem diffikultà: it-taħbit ta’ wieħed sar it-taħbit tal-oħrajn u l-paniku ta’ wieħed sar il-paniku tal-oħrajn. F’din is-sitwazzjoni, d-dixxipli ma setgħux jagħrfu lil Ġesù: ħasbuh fantażma.  Minkejja li ftit qabel kienu għadhom kif kienu miegħu u raw il-qawwa tiegħu; minkejja li kielu mill-ħobż u l-ħut li kattar mill-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, it-taħbit kontra r-riħ ma ħalliehomx jagħrfuh. F’dak il-ħin Ġesù resaq lejhom biex jagħtihom dak li kienu jeħtieġu f’dak il-mument: il-kalma. Anka Ġesù kellu bżonn ftit ħin ta’ kwiet u kalma wara li bagħat lin-nies, tant li tela’ waħdu fuq il-għoljiet. Il-ħin li kien jgħaddi miegħu nnifsu u mal-Missier kien jgħinu biex ma jħallix l-emozzjonijiet tiegħu imexxuh minħabba dak li jkun għaddej minnu  ̶  ma ninsewx li Ġesù kien bħalna f’kollox minbarra mid-dnub.  Ġesù seta’ għalhekk jikkalma lill-oħrajn għax kien trankwill hu. Hu kkalma r-riħ; ikkalma l-ambjent li kienu fih. Fil-kalma sew Pietru u sew id-dixxipli l-oħra setgħu jgħarfu lil Ġesù mill-ġdid. Pietru għarfu bħala salvatur għax ħelsu mill-għarqa u d-dixxipli l-oħra għarfuh bħala Bin Alla, tant li niżlu jqimuh.

Fl-ewwel qari tal-lum wkoll għandna ġrajja simili. Għandna lil Elija mifni u għajjien għax kien qed jaħrab minn dawk li kienu qed ifittxuh biex joqtluh. Elija kien għadu kif qatel lil 450 profeta ta’ alla Bahal, u s-sultana Ġesabel bdiet tfittxu biex toqtlu. Iż-żelu li kellu waslu biex jagħmel dak li għamel; Elija tmexxa mill-emozzjonijiet tiegħu u qatel lil dawk li kienu qed iqarqu bil-poplu. Meta sab ruħu f’dan l-inwkiet, Elija ħarab lejn il-muntanja Horeb u staħba hemm.  L-anġlu tal-Mulej urieħ li l-Mulej ried jiltaqgħa miegħu. Elija kellu bżonn li jikkwieta, u Alla ltaqgħa ma’ Elija fil-kwiet – fiż-żiffa ħelwa.  Alla jista’ jidher fil-qawwiet tan-natura, fir-rifnu, fit-terrimot jew fin-nar, imma fil-każ ta’ Elija, Alla ma għażilx dawn il-qawwiet biex jiltaqgħa miegħu imma ltaqgħa miegħu f’żiffa ħelwa – fil-kwiet. B’dan il-mod seta’ jintebah min kien hu u min kien Alla għalih.

Il-kwiet jikkwieta l-ġewwieni tagħna u jtaffi l-inkwiet. Meta fil-ġurnata nsibu ftit ħin fil-kwiet magħna nfusna u ma’ Alla nistgħu tassew nagħrfu l-verità tagħna nfusna u ta’ Alla.  Nagħrfu min aħna u fejn qegħdin u nagħrfu li Alla jinsab ħdejna.  Hemm x’hemm fuq moħħna, hu x’inhu l-inkwiet tagħna, ejjew ma nħallux joħloq fina emozzjonijiet tant qawwija li jispiċċaw imexxuna huma. Niftakru li bħalma Elija sab lil Alla fil-kwiet, aħna wkoll nistgħu niltaqgħu ma’ Alla fil-kwiet. Nipporvaw insibu ftit ħin fil-kwiet u nieqfu fil-preżenza ta’ Alla kuljum, jew wara kull esperjenza qawwija li ngħaddu minnha, kif għamel Ġesù wara l-ġrajja tat-tkattir tal-ħobż u l-ħut.