Riflessjoni tal-24 Ħadd tas-Sena Liturġika

Mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Taħt il-Bażilika nstabu fdalijiet ta’ erbgħa stained glass windows il-ġmiel tagħhom. Jidher li sat-tieni gwerra dinjija dawn l-istained glass kienu fit-twieqi ta’ fuq l-altari tal-ġnub. Jinghad li kienu tneħħew għax ġarbu ħsarat konsiderevoli fil-gwerra. Bħalissa qed naraw x’possibiltà hemm li jsirilhom ir-restawr meħtieġ biex 'l quddiem jitqegħdu f’mużew. Tgħid worth it? Hemm ħafna xogħol, hemm ħafna ħin, hemm ukoll spejjeż kbar marbuta magħhom. Mhux ta’ b’xejn li għal għexieren ta’ snin ma ġewx irranġati!  X’jiġġustifika r-restawr tagħhom, jekk ikollu jsir? Xejn ħlief il-valur kbir tagħhom.

U mhux l-ewwel darba minħabba xi gwerra, jitfarku relazzjonijiet li jibqgħu mfarkin għal għexieren ta’ snin. Biex tissewwa relazzjoni wkoll m’hix xi ħaġa żgħira: titlob ħafna rieda tajba, titlob ħafna xogħol, titlob ħafna ħin, titlob impenn kbir. Imma worth it? Hu propju minħabba l-valur kbir ta’ kull persuna li kull relazzjoni għandha tiġi restawratha meta din għal xi raġuni jew oħra tinkiser. Dan il-proċess ta’ restawr tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna jissejjah: ‘maħfra’ u r-restawr innifsu nsejħulu ‘rikonċiljazzjoni’. 

Il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni m’humiex l-istess ħaġa. Il-maħfra tiffaċilita l-proċess fir-rikonċiljazzjoni. Il-maħfra sseħħ ġewwa fina, waqt li r-rikonċiljazzjoni hija l-għaqda mill-ġdid bejn żewġ partijiet. Il-maħfra hemm bżonnha kull meta nirrealiżżaw li aħna mweġġgħin. Ħafna drabi nesperjenzaw rabja u biża’, li tista’ twassalna biex naħarbu lil min ikun weġġagħna; inħossu li ma rridux niltaqgħu aktar ma’ dik il-persuna. Faċli li nħossu fina sentiment ta’ vendetta u forsi wkoll infittxu li b’xi mod jew ieħor nikkastigaw lil min weġġagħna – inħossu li ma nistrieħux qabel ma npattuha lil dak li jkun.  Meta dan iseħħ nindunaw li qed nitilfu l-armonija u l-paċi ta’ qalbna, waqt li nimtlew b’negattività u qrusa.  Għalhekk Bin Sirak fl-ewwel qari tal-lum iħeġġiġna b’qawwa biex ma naħżnux fina nfusna ‘għadab u qilla’. Jurina li min ipattiha lill-ħuh li naqsu ma jistax jersaq u jitlob maħfra għalih innifsu quddiem Alla. Bin Sirak iħeġġiġna naħsbu fi tmiem ħajjitna, meta jasal il-mument li niġu ġġudikati quddiem Alla. Meta naħsbu fuq dan aktar naslu li ngħixu skond il-kmandamenti, l-aktar il-kmandament tal-imħabba.  M'hemm l-ebda mod ieħor biex naslu għall-maħfra, għajr dak li l-ewwel nibdew inħobbu lill-persuna l-oħra kif iħobbha Alla.  Xejn ma għandu jwaqqaf dan il-proċess, l-anqas jekk il-parti l-oħra ma taċċettanix, jew ma ssellimlix l-għada filgħodu, l-anqas jekk il-persuna l-oħra tgħajjarni u tivvinta fuqi, jew iddawwar wiċċha kull meta tarani.  Diffiċli! U għalhekk hemm bżonn nitolbu. Niftakkru x’nitolbu fit-talba tal-‘Missierna’!

Mother Teresa tgħid: “Li titlob it-talba tal-‘Missierna’” u tgħixha twassal għall-qdusija. “Il-Missierna tiġbor fiha kollox: ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, magħna nfusna, u mal-oħrjan...” Fost l-oħrajn f’din it-talba ngħidu: “Aħrilna dunbietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.” Ladarba l-‘Missierna’ m’hix talba li ngħidu biss, imma talba ta’ azzjoni, irridu nagħmlu sforz biex naħfru lil min naqasna. Jekk ma nagħmlux sforz biex naħfru, aħjar nieqfu ngħidu l-‘Missierna’ għax ma nkunux qed nieħdu lil Alla bis-serjetà. 

Fl-eżortazzjoni appostolika 'Evangeli Gaudium '(Il-ferħ tal-Vanġelu 100), il-papa Franġisku jirrikonoxxi b’mod tant ċar li dawk midruba jsibuha ferm diffiċli biex jaħfru u jirrikonċiljaw ruhom.  Dawn il-persuni jħossu li mhux nifhmuhom biżżejjed u ma nistgħux inħossu dak li jkunu għaddejjin minnhom huma. Hu biss jekk jaraw l-eżempju u x-xhieda ta’ dawk li jemmnu, li jwassluhom għall-maħfra. Bħala nsara m’ għandniex inħallu s-sentimenti jmexxuna.  Il-Papa jesprimi l-uġigħ profond tiegħu meta jara ‘komunitajiet reliġjużi’ mifrudin u maħkuma minn nuqqas ta’ maħfra. Għandna bżonn nieħdu din il-ħaġa bis-serjetà. Il-komunitajiet insara jridu jkunu xempju ta’ maħfra u rikonċiljazzjoni. 

Matul din il-ġimgħa, ejjew nieħdu din l-kelma tal-lum bis-serjetà u jekk inħossu li hemm xi ‘għadab u qilla’ maħżun fina għal xi ħadd li weġġagħna, nagħmlu xi ħaġa dwarha.  Anke jekk ilha hemm għal għexieren ta’ snin. Ejjew nitolbu għal min weġġagħna, ejjew nipprovaw nersqu lejn din il-persuna, inkellmuha jew għalmenu nibdew billi nsellmulha, jew, jekk inħossu li hu l-każ ngħaddu xi messaġġ sabiħ b’card, ittra, email jew b’xi telfonata.

Iebsa? Iva. Hemm uġigħ involut f’dan il-proċess ta’ maħfra? Ukoll. Imma ejjew ma nħallux in-nuqqas ta’ maħfra tkompli timliena b’negattività u qrusa. Ejjew nesperjenzaw ħajja ġdida, frott il-qawmien mill-ġdid li jiġi mill-fatt li nkunu qed ‘ngħixu għall-Mulej u mmutu għall-Mulej’.