Riflessjoni ta' 30 Ħadd tas-sena Liturġika

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Ftit ilu ġibt xi ħaġa minn barra u domt ftit sa ma sibt tarf ta’ kif jaħdem, għax miegħu ma kellu ebda karta bl-istruzzjonijiet ta’ kif jiffunzjona. Aħna mdorrijin li kull ma nixtru jkollu xi tip ta’ istruzzjoni, manwal jew għalmenu gwida ta’ fejn għandek tfittex fuq l-internet biex issib l-informazzjoni li għandek bżonn.  Tista’ tgħid dan japlika f’kollox: it-tisjir għandu bżonn ir-riċetta, il-mediċina trid tittieħed skond l-preskrizzjoni tat-tabib, biex tħaddem magna jew xi apparat trid tħares lejn l-istruzzjonijiet, u biex ikollok soċjetà b’saħħitha hemm bżonn ukoll ta’ direttivi, linji gwida u liġijiet.

Illum quddiemna għandna qari li jkellimna fuq x’hemm bżonn isir biex ikollok poplu qaddis. Fit-Tesment il-qadim insibu fid-dettal liġijiet marbuta mal-liturġija, riti u morali.  Juruna kif il-poplu ta’ Alla kellu jagħti qima lil Alla. Jitkellmu fuq il-post  ̶  it-tinda tal-preżenza, l-altar eċċ; x’għandu jsir  ̶  kif jiġu offruti sagrifiċċji tal-annimali; minn min  ̶  il-qassisin; u x’għandu jintuża  ̶  inċens, bwieqi, eċċ. Insibu liġijiet marbuta ma’ riti li juru x’iniġġess jew le lil dak li jkun u kif isiru riti tal-purifikazzjoni. Per eżempju titniġġes jekk tmiss jew tersaq lejn xi ħadd mejjet, tmur fis-suq fejn tista’ tiltaqa’ mal-pagani, jekk timrad bil-ġdiem eċċ. Fit-Testment il-qadim, għandna wkoll liġijiet marbuta mal-morali. L-ewwel qari tal-lum huwa fost dawn il-liġjiet li jgħidu kif għandek tilqa’ lill-barrani, tieħu ħsieb l-armla u l-iltim, ma tislifx bl-imaxx lil min hu fqir eċċ.

U forsi ngħidu imma għalina xi jfisser dan kollu, kienu l-istruzzjonijiet biex il-poplu tat-Testment il-qadim jkun poplu qaddis, imma llum? Dak li kien jgħodd fl-imgħoddi għadu jgħodd għalina wkoll? L-istruzzjonijiet ma nbidlux imma ġew iċċarati f’Ġesù Kristu.  Jekk irridu nkunu poplu qaddis, jekk irridu nkunu soċjetà b’saħħitha rridu nibqgħu nagħtu każ tal-manwal mogħti lilna mill-ħallieq tagħna stess.  Meta mistoqsi liema hu l-akbar kmandament fil-Liġi, Ġesù rrepeta dak li hemm fit-Testment il-qadim; reġa’ ħadna lura għal-liġijiet liturġiċi, ritwali u morali.  Imma issa l-post mhux it-tinda jew l-altar tal-ġebel, imma Ġesù nnifsu li hu t-tempju u l-altar; l-offerta mhux is-sagrifiċċji tal-annimali, imma l-offerta ta’ Ġesù nnifsu fuq is-salib; il-qassisin m’humiex mit-tribu ta’ Levi, imma Ġesù nnifsu li hu s-saċerdot il-kbir. Ir-riti tal-purifikazzjoni issa ma jsirux bil-ħasil ritwali imma fid-demm għażiż ta’ Kristu; il-maħfra tad-dnubiet issir billi nersqu lejn Ġesù fis-sagrament tal-qrar.

Iva jekk irridu nkunu poplu qaddis, anke aħna għandna bżonn nagħtu l-ewwel post lil Alla: ‘Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.”  Kien għadu u jibqa’ l-akbar kmandament.

Jekk il-liġjiet liturġiċi u ritwali nbidlu fi Krisu, mhux l-istess għall-liġijiet morali. Dawn baqgħu l-istess. Dak li kien mitlub mill-poplu ta’ Alla fit-testment il-qadim għadu mitlub minnha llum. Ma tistax tħobb lil Alla li ma tarax u tobgħod lil ħuk li tara. Għalhekk Ġesù għaqqad il-kmandament tal-imħabba tal-proxxmu mal-kmandament il-kbir. M’ aħniex nitkellmu minn sempliċiment social work, filantropija, jew drittijiet fundamentali ta’ kull bniedem, imma ferm aktar minn hekk.  Dan il-kmandament jitlob minnha ‘mħabba vera’.  Tista’ tgħin lil xi ħadd għax titħassru jew għax taraħ bħala kawża ġusta, imma mhux bilfors ikun hemm imħabba sinċiera. Min iħobb lil Alla ma jħarisx lejn xi ħadd fqir bħala każ imma persuna maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla. L-Iskrittura twassalna biex ngħinu lil min fil-bżonn frott l-empatija tagħna; inħossu ma min hu fil-bżonn, nifhmu lil min hu bagħtut, niftakkru li aħna wkoll konna għadna u nibqgħu fil-bżonn.  B’hekk ma naslu qatt li ngħinu lil xi ħadd bil-kburija, għax naħseb li mn’alla kont jien għalih. L-anqas ma nagħżel lil min ngħin jew le, imma nasal li ngħin lil kulħadd bla preġudizzju.  

Ejjew għalhekk inħaddnu l-kmandament tal-imħabba b’mod sħiħ billi nħobbu lil Alla u nagħtuh l-ewwel post u lill-oħrajn bħalna nfusna.