Il-Parroċċa tal-Mosta tawgura u titlob għal Dun Stephen Attard, li ġie ordnat saċerdot mill-ET Mons Arċisqof Pawlu Cremona fl-1 ta’ Lulju 2011.
Hawn taħt hawn il-messaġġ li kiteb Dun Stephen għal programm tal-Festa ta’ Santa Marija.
Il-Mosta, art fertili ta’ vokazzjonijiet!
Filwaqt li l-Isqof ipoġġi f’idejn kull saċerdot ġdid l-offerti tal-ħobż u l-inbid waqt il-quddiesa tal-ordinazzjoni, huwa jħeġġu biex jifhem sewwa dak li se jagħmel, ifassal ħajtu fuq dak li jkollu f’idejh u jagħmel li ħajtu tkun tixbah il-misteru tas-salib tal-Mulej. Fi ftit kliem, ir-rit jesprimi x’inhi l-vokazzjoni tas-saċerdot ; ħajtu trid tkun għotja sħiħa, rigal mogħti lil Alla u lill-bnedmin kif kienet dik ta’ Ġesù stess li ma żamm xejn għalih innifsu iżda sar kollox għal kulħadd!
Huma saċerdoti li fihom jispikkaw dawn il-kwalitajiet li jqanqlu fiż-żgħażagħ ix-xewqa mħeġġa li jingħataw għalkollox biex jaqdu lil Alla fl-oħrajn. Għall-grazzja ta’ Alla, il-parroċċa tagħna kienet u għada sors b’saħħtu ta’ vokazzjonijiet u dan grazzi għall-eżempju ta’ saċerdoti li ħadmu u għadhom jaħdmu b’imħabba u bla daqq ta’ trombi!
Il-vokazzjoni tiegħi, li tnisslet fi ħdan il-familja, issaħħet u mxiet ’il quddiem minħabba dan l-ambjent fertili fejn il-preżenza tas-saċerdot għada tinħass. Il-poplu Mosti, huwa magħruf għall-imħabba li għandu lejn is-saċerdot, u dan jidher mill-interess li ħafna juru fis-seminaristi Mostin fiż-żmien ta’ formazzjoni.
Ma għandix kliem biex nesprimi s-sens ta’ gratitudni lejn is-saċerdoti u l-komunità Nisranija fil-Mosta li kkontribwew biex nimxi ’l quddiem u nippersevera fit-triq li Alla sejjaħli għaliha. Għalhekk, minn qalbi nixtieq nistieden lill-komunità parrokkjali biex jingħaqdu flimkien miegħi għall-quddiesa li se niċċelebra nhar is-7 ta’ Awwissu fis-6.30pm, fil-knisja Arċipretali, b’ringrazzjament għad-don tas-saċerdozju, filwaqt li nkomplu nitolbu biex bl-interċessjoni ta’ Ommna Marija Santissma jkollna familji b’saħħithom li jsaħħu l-komunità parrokkjali biex fiha jittrawmu vokazzjonijiet saċerdotali qaddisa!