Quddiesa fil-kappella ta’ San Pawl Eremita

Nhar Il-Ħadd 16 ta’ Jannar 2011 ġiet iċċelebrata l-Festa ta’ San Pawl Eremita fil-Kappella li tinsab ġo għar f’Wied Il-Għasel.

Din l-għar jinsab preċis taht parti mill-Fortizza tal-Mosta.  F’dan l-għar hemm kappella zgħira oħra ddedikata lill-Madonna tal-Grazzja.

Sa madwar għoxrin sena ilu kien hemm artal li kien sar minn Mastru Anglu Gatt li kien miż-Żejtun u li kien l-imgħallem prinċipali waqt li kienet qed tinbena r-Rotunda.

Dan l-artal tal-franka  kien inqered mill-vandali iżda llum hemm ieħor ġdid kopja tiegħu li sar meta din il-kappella ġiet irrestawrata bl-inizjattiva tal-ex-arċipriet Mons. Joe Carabott.

Kien il-bnazzi u għalhekk ma kienx daqstant diffiċli li tasal għal din il-kappella li biex tasal għaliha trid tinżel f’qiegħ il-Wied u mbagħad trid titla taraġ twil. Bosta nies attendew għall-quddiesa li saret fit-tlieta ta’ wara nofs in-nhar u li ġiet iċċelebrata minn Dun Blake Camilleri.

Ir-ritratti li jidhru f’din il-website huma ta’ Victor P. Caruana. Kull minn jixtieq jordna xi ritratti għandu jċempel 21431946.