It-Tmien Ħadd tas-Sena Liturġika

It-Tmien Ħadd tas-Sena liturġika:

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”           8 ĦADD MATUL IS-SENA

Missal Paġna

Il-PROVIDENZA TA’ ALLA


L-1 Qari – Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija – Is. 49, 14-15

Sijon kienet tgħid,
‘Ħallieni l-Mulej’,
u ‘Sidi nsieni’.
Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha
U ma tħennx għal bin ħdanha?
Ukoll jekk din tinsa,
Imma jien ma ninsiekx.’

Il-Kelma tal-Mulej 
Inroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI – Salm 61 – F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi. 

F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi,
għax minnu tiġini t-tama tiegħi.
Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi,
hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni. R/.

F’Alla s-salvazzjoni tiegħi u l-ġieħ tiegħi;
Hu l-blata qawwija tiegħi,
Il-kenn tiegħi f’Alla.
Ittama fih f’kull żmien, o poplu;
Iftħu qalbkom quddiemu. R/.

IT-TIENI QARI – Qari Mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin – 1 Kor 4, 1-5

Ħuti: In-nies għandhom iħarsu lejna bħala ministri ta’ Kristu u amministraturi tal-misteri ta’ Alla. Issa barra minn dan, mill-amministraturi wieħed jistenna li jkunu fidili.
Iżda, ngħid għalija, ftit li xejn jimpurtani li nkun iġġudikat minnkom jew minn xi tribunal tal-bnedmin. U anqas jien stess ma niġġudika lili nnifsi. Tassew li jiena stess ma nħoss xejn fuq il-kuxjenza tiegħi, iżda mhux b’daqshekk jien iġġustifikat. Għalhekk tiġġudikawx qabel il-waqt sa ma jiġi l-Mulej; hu għad joħroġ għad-dawl dak li hu moħbi fid-dlam, u jikxef il-fehmiet mistura tal-qlub. U mbagħad kull wieħed jieħu mingħand Alla t-tifħir li wieħed ikun jistħoqqlu.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla

HALLELUJAH: Hallelujah, Hallelujah.
Jien lill-Mulej nistenna,
Ruħi f’kelmtu tittama.
Hallelujah

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. – Mt 6, 24-34

F’dak Iż-żmien: Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu: “Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.
Għalhekk ngħidilkom: Tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu, anqas għal ġisimkom, x’se tilbsu. Jaqaw il-ħajja mhijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies? Ħarsu lejn l-agħsafar tas-sema: la jiżirgħu, la jaħsdu, u anqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom? U min minnkom, bl-inkwiet kollu tiegħu, se jseħħlu jtawwal għomru imqar b’xiber wieħed biss? U għall-ilbies, għalfejn tinkwetaw ruħkom? Ħarsu lejn il-ġilji ta’ l-għelieqi, kif jikbru! U la jitħabtu u anqas jinsġu. Madankollu, ngħidilkom, anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom.
Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta’ fidi ċkejkna! Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nilbsu’? Għax dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani, Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh. Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja tiegħu, u dan kollu jingħatalkom ukoll. Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum ta’ għada iħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata.“

Il-Kelma tal-Mulej
It-tifħir lilek Kristu.

Ħsieb tal-Evanġelju minn  Patri Jurgen Cucciardi O.Carm. : [youtube]http://www.youtube.com/watch?v=j4SFnMOEOBg[/youtube]