Qari u Hsieb tar-Raba Ħadd tar-Randan

Ir-Raba Ħadd tar-Randan:

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”          Ir-4 ĦADD TAR-RANDAN

 

ĠESỪ: ID-DAWL TA’ ĦAJJITNA

 

L-1 QARI – Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel – 1Sam 16, 1b, 6-7, 10-13

F’dak iż-żmien: il-Mulej qal lil Samwel: “Imla l-qarn biż-żejt u itlaq. Jien se nibgħatek għand Ġesse ta’ Betlehem, għax minn fost uliedu jien għażilt għalija sultan.”

Ġara li, malli waslu wlied Ġesse, Samwel ra lil Eljab u qal: “Tgħid hawn quddiemi l-midluk tal-Mulej?” U l-Mulej qal lil Samwel: “Tħarisx lejn is-sura tiegħu jew it-tul ta’ persuntu, għax jiena ġa warrabtu. Għax il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fil-għajn, imma l-qalb.”

Ġesse ressaq quddiem Samwel sebgħa minn uliedu; imma Samwel qallu: “Il-Mulej ma ħatar ’il ħadd minn dawn.’ U Samwel issokta jgħid lil Ġesse: “Dawn huma t-tfal kollha?” “Għad fadal iż-żgħir,” wieġbu Ġesse; “ara, qiegħed jirgħa n-ngħaġ.” U Samwel qal lil Ġesse: “Ibgħat għalih u ġibu, għax ma noqogħdux fuq il-mejda qabel ma jiġi hawn.” U bagħat għalih u ġiebu: kien żagħżugħ ħamrani, għajnejh ħelwin, u sabiħ fis-sura tiegħu.

U l-Mulej qal lil Samwel: “Qum u idilku, għax dan hu.” Samwel ħa f’idejh il-qarn biż-żejt u dilku quddiem ħutu. Minn dak in-nhar ’il quddiem niżel fuq David l-Ispirtu tal-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI – Salm 22


Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni,
f’mergħat kollhom ħdura jqegħedni,
ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hu jrejjaqni. R/.

Imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba f’ismu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek huma jwennsuni. R/.

Int thejji mejda għalija quddiem l-egħdewwa tiegħi;
biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

Iva, it-tjieba u l-ħniena jimxu miegħi
il-jiem kollha ta’ ħajti;
u ngħammar f’dar il-Mulej
matul iż-żminijiet. R/.

IT-2 QARI – Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin – Ef. 5, 8-14

Ħuti: Intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej; imxu ta’ wlied id-dawl li intom. Frott id-dawl jinsab f’kull ma hu tjieba, f’kull ma hu ġustizzja, f’kull ma hu sewwa.

Fittxu li tagħmlu dak li jogħġob lill-Mulej, u tisseħbux fl-egħmejjel tad-dlam bla frott, imma anzi xandruhom fil-beraħ. Għax dak li qegħdin jagħmlu huma fil-moħbi, tistħi mqar jekk issemmih; imma jekk wieħed ixandru fil-beraħ, id-dawl jikxef kollox; għax kull ma jidher hu dawl. Għalhekk tgħid l-Iskrittura, ‘Stenbaħ int, li rieqed, u qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu.’

Il-Kelma tal-Mulej.

GLORJA U TIFĦIR LILEK, KRISTU!
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jiena d-dawl tad-dinja, igħid il-Mulej;
min jimxi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. – Ġw 9, 1-41

F’dak iż-żmien: Ġesù, kif kien għaddej lemaħ raġel agħma minn twelidu, (u d-dixxipli tiegħu staqsewh, “Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?” Ġesù wieġeb: “La hu ma dineb u anqas il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-id ta’ Alla tidher fih. Sakemm għadna bin-nhar, jeħtieġli nagħmel ix-xogħol ta’ dak li bagħatni; għax jasal il-lejl meta ħadd ma jkun jista’ jaħdem. Sakemm indum fid-dinja, jiena hu d-dawl tad-dinja.” Kif qal dan,) beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma. U qallu: “Mur inħasel fl-għadira ta’ Siloam.” (Din tfisser “il-mibgħut”.) Mela dak mar, inħasel, u ġie jara.

Il-qraba u dawk li fl-imgħoddi kienu mdorrija jarawh, għax hu kien tallab, qalu: “Dan mhuwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jitlob il-karità?” Xi wħud qalu: “Iva, hu.” Oħrajn qalu: “Le, imma jixbħu.” Iżda hu qalilhom: “Jiena hu.”

(Qalulu: “Mela kif infetħulek għajnejk?” Weġibhom: “Wieħed raġel, igħidulu Ġesù, għamel ftit tajn, dilikli għajnejja bih, u qalli, ‘Mur fil-Siloam u nħasel hemm.’ Mort, inħsilt, u ġejt nara.” Qalulu: “Fejn hu dak ir-raġel?” Qalilhom: “Ma nafx.”)

Lil dak li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand il-Fariżej. Issa dak in-nhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma inzerta kien is-Sibt. Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: “Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara.” Xi wħud mill-Fariżej qalulu: “Dan il-bniedem mhux ġej minn għand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt.” Iżda oħrajn qalu “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?” U ma qablux bejniethom. U reġgħu qalu lill-agħma: “Int x’jidhirlek minnu, billi fetaħlek għajnejk?” Qalilhom: “Dak profeta.”

Il-Lhud ma ridux jemmnuh li hu kien agħma u ħa d-dawl qabel ma bagħtu għall-ġenituri tiegħu, ta’ dak li sar jara, u staqsewhom: “Dan, li intom tgħidu li twieled agħma, dan binkom? Mela issa kif ġie jara?” Il-ġenituri tiegħu wieġbu u qalulhom: “Nafu li dan hu t-tifel tagħna u li twieled agħma; imma kif issa ġie jara, dan ma nafuhx, u anqas ma nafu min fetaħlu għajnejh. Staqsu lilu: żmien għandu: jitkellem hu għalih innifsu.” Il-ġenituri tiegħu wieġbu hekk għaliex beżgħu mil-Lhud, għax il-Lhud kienu ġa ftiehmu bejniethom li, jekk xi ħadd ikun stqarr li Ġesù hu l-Messija, jitkeċċa ’l barra mis-sinagoga. Kien għalhekk li l-ġenituri tiegħu wieġbu, ‘Żmien għandu, staqsu lilu.’

Għal darb’oħra reġgħu bagħtu għal dak li kien agħma u qalulu: “Sebbaħ ’l Alla! Aħna nafu li dal-bniedem hu midneb.” Dak weġibhom: “Jekk hux midneb ma nafx; ħaġa waħda naf: li jien kont agħma u issa qiegħed nara.” Qalulu: “Imma hu x’għamillek? Kif fetaħhomlok għajnejk?” U hu weġibhom: “Ġa għedtilkom u ma smajtux! Xi tridu tisimgħu iżjed? Jaqaw tridu intom ukoll issiru dixxipli tiegħu?” U qabdu jgħajtu miegħu u qalulu: “Dak int dixxiplu tiegħu! Aħna ta’ Mosè dixxipli! Aħna nafu li lil Mosè kellmu Alla, imma dan ma nafux minn fejn inqala’.” Weġibhom ir-raġel u qalilhom: “Sewwa! Hawn qiegħed il-għaġeb: li intom ma tafux dan minn fejn inqala’ u b’danakollu lili fetaħli għajnejja! Aħna nafu li Alla mhux se jisma’ lill-midinbin; iżda mbagħad jekk wieħed ikun jibża’ minn Alla u jagħmel ir-rieda tiegħu, lil dan jisimgħu. Qatt fid-dinja ma nstema’ li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed agħma mit-twelid. Li kieku dan ma kienx ġej minn għand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel.”)

Imbagħad qabżu u qalulu: “Int se tgħallem lilna, li twelidt dnubiet waħdek?” U qaċċtuh ’il barra.

Ġesù sema’ li qaċċtuh ’il barra; sabu u qallu: “Temmen int f’Bin il-bniedem?” Dak wieġbu u qallu: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?” Qallu Ġesù: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek.” Qallu: “Nemmen, Mulej.” U nxteħet jagħtih qima.

(Imbagħad Ġesù qal: “Jien għall-ħaqq ġejt f’din id-dinja, biex min ma jarax isir jara, u min jara jagħma.” Xi wħud mill-Fariżej li kienu hemm madwaru semgħuh igħid dan u staqsewh: “Aħna wkoll għomja?” Weġibhom Ġesù: “Li kieku kontu għomja, ma kontux tkunu ħatja ta’ dnub. Imma issa qegħdin tgħidu, “Aħna naraw.” Mela d-dnub tagħkom għadu fuqkom.”)

Il-Kelma tal-Mulej.

 

Ħsieb tal-Evanġelju minn  Patri Jurgen Cucciardi O.Carm.: [youtube]http://www.youtube.com/watch?v=nsHNU1RZklg[/youtube]