Il-Ħames Ħadd tar-Randan:
ŻMIEN MATUL IS-SENA “A” Il-5 ĦADD TAR-RANDAN
ĠESỪ: IL-QAWMIEN TAGĦNA
L-1 QARI – Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel. – Eż 37, 12-14
Hekk qal Sidi l-Mulej: “Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, ja poplu tiegħi, u nġibkom lura f’art Israel. Imbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, ja poplu tiegħi.
U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja. Nagħtikom il-mistrieħ f’artkom, u tkunu tafu li jiena l-Mulej. Hekk għedt, u hekk nagħmel.”
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI
Salm 129
Għand il-Mulej hemm it-tjieba.
Mill-qiegħ nett insejjaħlek, Mulej:
Mulej, isma’ l-leħen tiegħi!
Ħa jkunu widnejk miftuħa
għal-leħen tat-talb tiegħi. R/.
Jekk tal-ħtijiet int tagħti każ, Mulej,
Mulej, min jista’ jżomm sħiħ?
Imma, għandek hemm il-maħfra,
biex hekk int tkun miqjum. R/.
Jien lill-Mulej nistenna,
ruħi f’kelmtu tittama.
Tistenna ruħi ’l- Mulej
aktar milli l-għassiesa s-sebħ. R/.
Ittama, Iżrael, fil-Mulej;
għax għand il-Mulej hemm it-tjieba,
u l-fidwa hi għandu bil-kotra.
Hu jifdi lil Iżrael mill-ħtijiet tiegħu kollha. R/.
IT-2 QARI – Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani. – Rum 8, 8-11
Ħuti; Dawk li jgħixu skond il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla. Iżda intom ma tgħixux skond il-ġisem, imma skond l-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu. Imma jekk Kristu jgħammar fikom, ukoll jekk il-ġisem hu mejjet minħabba fid-dnub, imma l-ispirtu hu ħaj minħabba fil-ġustifikazzjoni. Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, dak stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem tagħkom li jmut, bis-saħħa ta’ l-Ispirtu tiegħu li jgħammar fikom.
Il-Kelma tal-Mulej.
GLORJA U TIFĦIR LILEK, KRISTU!
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jien hu l-qawmien u l-ħajja, igħid il-Mulej;
kull min jemmen fija, dan ma jmut qatt.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. – Ġw 11, 1-45
F’dak iż-żmien: Kien hemm wieħed marid, Lażżru minn Betanja, ir-raħal ta’ Marija u oħtha Marta. Marija kienet dik li dilket il-Mulej b’żejt ifuħ u li xxottatlu riġlejh b’xagħarha; Lażżru, li marad, kien ħuha. Iż-żewġ nisa aħwa bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid.” Meta sema’ l-aħbar Ġesù qal: “Din mhijiex marda tal-mewt, iżda għall-glorja ta’ Alla, biex biha jissebbaħ l-Iben ta’ Alla.”
Ġesu kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lażżru. Meta sema’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal lil-dixxipli: “Imxu nerġgħu mmorru l-Lhudija.”
(Qalulu d-dixxipli: “Rabbi, għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa’ sejjer hemm?” Weġibhom Ġesu: “Mhux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi bin-nhar, ma jaħbat ma’ mkien, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta’ din id-dinja; imma jekk jimxi bil-lejl, jaħbat ma’ xi mkien, għax ma jkollux dawl.” Hekk qalilhom; imbagħad issokta jgħidilhom: “Ħabibna Lażżru rieqed, iżda ejjew immorru nqajmuh.” Qalulu d-dixxipli: “Mulej, jekk hu rieqed, jiġifieri se jfiq.” Iżda Ġesu kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad ta’ meta wieħed ikun bin-ngħas. Imbagħad Ġesu qalilhom ċar u tond: Lażżru miet. U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu. Iżda imxu mmorru sa ħdejh.” Tumas, imlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: “Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu.”)
Meta wasal Ġesù sab li kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar.
(Betanja kienet qrib Ġerusalem, xi żewġ mili ’l hemm minnha. Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom, minħabba fil-mewt ta’ ħuhom.)
Kif semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku int kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma jien naf li kull ma int titlob ’l Alla, hu jagħtihulek, issa wkoll.” Ġesù qal lil Marta: “Ħuk jerġa’ jqum!” Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum fl-aħħar jum.” Qalilha Ġesù: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, ikollu l-ħajja; u kull min igħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu int dan?” “Iva, Mulej,” weġbitu; “Jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja.”
(Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha: “L-Imgħallem hawn u qiegħed isejjaħlek.” Dik, malli semgħetha qamet minnufih u marret ħdejh. Ġesù kien għadu ma daħalx ir-raħal, imma baqa’ fejn kienet ġiet tiltaqa’ miegħu Marta. Il-Lhud li kienu d-dar ma’ Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajluha sejra fuq il-qabar biex toqgħod tibki hemm. Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu, inxteħtet f’riġlejh tgħidlu: “Mulej, kieku int kont hawn, ħija ma kienx imut.” Kif ra lilha tibki, u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, )
Ġesù ħassu mnikket u mħawwad ħafna. “Fejn qegħidtuh?” staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara.” Ġesu beka. Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!” Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dal-bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”
Ġesù ħassu mqanqal għal darb’oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar b’ġebla mqiegħda fuqu. Ġesù qal: “Neħħu l-ġebla.” Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej, issa beda jinten: ġa ilu erbat ijiem mejjet.” Qalilħa Ġesù: “Ma għedtlekx li, jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” Imbagħad neħħew il-ġebla. Ġesù refa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni imma għedt dan minħabba fin-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni.” Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lażżru, oħroġ.” U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur.”
Ħafna mil-Lhud li kienu ġew għand Marija, u li raw dak li għamel Ġesu, emmnu fih.
Il-Kelma tal-Mulej.
Ħsieb tal-Evanġelju minn Patri Jurgen Cucciardi O.Carm.: [youtube]http://www.youtube.com/watch?v=iCNs60bTYAg[/youtube]