F’attivita’ sempliċi imma sinjifikattiva ftit inqas minn mitejn ruħ mill-Għargħur, Mġarr, Mosta u Naxxar ingħaqdu mal-Arċiprieti / Kappillani tagħhom fid-Dar tal-Providenza biex ifakkru s-Sena Ewropeja tal-Volontarjat. F’ċerimonja li saret, il-Ġimgħa 20 ta’ Mejju, fil-bitħa fejn hemm midfun Mons. Mikiel Azzopardi saru preżentazzjonijiet qosra minn Gertrude Cardona u r-raġel taghħa, ġenituri ta’ resident fid-Dar, u Walter Ellul u Josephine Deguara żewġ volontiera regolari fid-Dar. Kollha saħqu dwar il-ħtieġa ta’ aktar nies li lesti li jagħtu ħinhom għal xogħol volontarju mar-residenti u fid-Dar tal-Providenza li tilqa’ fiha mitt resident.
L-attivita’ bdiet bic-Ċelebrazzjoni Ewkaristika minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, megħjun mill-Arċiprieti Fr Mario Tong tal-Mosta u Fr Evan Caruana tan-Naxxar flimkien mal-Kappillani Fr Albert Schembri tal-Għargħur u Fr Antoine Borg tal-Mġarr. Fl-omelija tiegħu, Fr Martin faħħar l-inizjattivi tal-ħafna favur id-Dar li jieħdu kull għamla u appella għal aktar nies li f’din is-Sena Ewropeja tal-Volontarjat jiddeċiedu li jaghmlu mpenn u jagħtu ftit mill-ħin liberu tagħhom kemm mar-residenti kif ukoll f’xogħol ieħor meħtieg fid-Dar.
Fit-tmiem taċ-ċelebrazzjoni, l-erba’ Arciprieti/Kappillani ippreżentaw għadd ta’ ċekkijiet għal total ta’ €11,742. Din is-somma inġabret permezz ta’ envelopes li tpoġġew f’kull knisja f’dawn l-aħħar ġimgħat għal kull min xtaq li jagħmel għotja b’risq id-Dar tal-Providenza. Fr Martin qal li din is-somma se tmur għax-xiri ta’ lift se jiġi stallat f’dar żgħira fil-Qawra li fiha se jkunu qed joqogħdu flimkien numru zgħir ta’ residenti li jistgħu jgħixu flimkien. Din se tkun simili għal Dar iż-Zernieq fir-raħal tas-Siġġiewi fejn jgħixu flimkien ħahmes persuni b’diżabilita’.