Qari u ħsieb tar-Raba Ħadd tal-Għid

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”         Ir-Raba Hadd tal-Għid

 

IL-MAGĦMUDIJA TAGĦNA FI KRISTU

 

 

L-1 QARI – Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli. – 2, 14a.36-41

Nhar Għid il-Ħamsin, Pietru, flimkien mal-Ħdax, qam u qal lil-Lhud b’leħen għoli: “Ħa jkun jaf bi żgur il-ġens kollu ta’ Israel li lil dan Ġesù, li intom sallabtu, Alla għamlu Mulej u Kristu.” Meta semgħu dan il-kliem, ħassew qalbhom minfuda u qalu lil Pietru u lill-appostli l-oħra: “L-aħwa, x’għandna nagħmlu aħna?” U Pietru weġibhom: “Indmu, u kull wieħed minnkom jitgħammed fl-isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra ta’ dnubietkom; u intom tirċievu d-don ta’ l-Ispirtu s-Santu. Għax il-wegħda hi għalikom u għal uliedkom u għal dawk kollha li huma fil-bogħod, li lilhom sejjaħ il-Mulej Alla tagħna.” U b’ħafna kliem ieħor tahom xhieda u wissiehom billi qalilhom: “Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel imħassar.” Għalhekk dawk li laqgħu kliemu tgħammdu, u dak in-nhar żdiedu madwar it-tlitt elef ruħ.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI – Salm 22

Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni,
f’mergħat kollhom ħdura jqegħedni,
ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hu jrejjaqni. R/.

Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba f’ismu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek
huma jwennsuni. R/.

Int thejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi;
biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

Iva, it-tjieba u l-ħniena jimxu miegħi
il-jiem kollha ta’ ħajti;
ngħammar f’dar il-Mulej
matul iż-żminijiet. R/.

IT-2 QARI Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu. -1 Piet 2, 20b-25

Għeżież: Jekk intom tagħmlu t-tajjeb, u b’danakollu tbatu imma tistabru fit-tbatija, tkunu tagħmlu ħaġa tajba quddiem Alla. Għax intom għal dan ġejtu msejħin: Kristu wkoll bata għalikom, u ħallielkom eżempju, biex timxu fuq il-passi tiegħu. Hu ma għamel ebda dnub, u ebda qerq ma nstab fih; meta għajruh, ma weġibx bit-tagħjir; meta bata, ma qagħadx ihedded; imma ħalla f’idejn dak li jagħmel ħaqq bis-sewwa.

Hu nnifsu tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, biex aħna mmutu għad-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja. Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu. Għax intom kontu bħal ngħaġ mitlufa, imma issa rġajtu dortu lejn ir-Ragħaj u l-Għassies ta’ rwieħkom.

Il-Kelma tal-Mulej.

HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.

Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;
jiena nagħraf in-ngħaġ tiegħi,
u n-ngħaġ tiegħi jagħarfu lili.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. – Ġw 10, 1-10

F’dak iż-żmien: Ġesù qal: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-ngħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn band’oħra, dak hu ħalliel li jisraq. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-ngħaġ. Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-ngħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ kull waħda min-ngħaġ tiegħu b’isimha u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-ngħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-ngħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara ħaddieħor ma jimxux, imma jaħarbu minnu, għax leħen ħaddieħor ma jafuhx.” Din it-tixbiha qalilhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha.

U Ġesù reġa’ qalilhom: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, li l-bieb tan-ngħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew s’issa qabli huma ħallelin, jisirqu. Iżda n-ngħaġ mhux lilhom semgħu. Jiena l-bieb: jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi, isalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra.”

Il-Kelma tal-Mulej.

Ħsieb tal-Evanġelju minn  Patri Jurgen Cucciardi O.Carm.: [youtube]http://www.youtube.com/watch?v=n3NM7detaHA[/youtube]