Qari u hsieb tat-tielet Hadd tal-Ghid

It-Tielet Hadd tal-Għid

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”         It-tielet Hadd tal-Għid

 

KRISTU MAGĦNA FIL-BIBBJA, FIL-QADI U FL-EWKARISTIJA

 

L-1 QARI – Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli. – 2, 14.22-28

Nhar Għid il-Ħamsin, Pietru, flimkien mal-Ħdax, qam u qal lil-Lhud b’leħen għoli: “Nies tal-Lhudija, u intom ilkoll li tgħammru f’Ġerusalemm, kunu afu dan u agħtu widen għal kliemi. Irġiel ta’ Israel, isimgħu dan li se ngħidilkom. Ġesù ta’ Nażaret, bniedem imwettaq għalikom minn Alla b’mirakli u għeġubijiet u sinjali li Alla għamel bih fostkom, kif intom stess tafu, lil dan Ġesù, mogħti skond il-pjan u l-għarfa minn qabel ta’ Alla, intom tajtuh u qtiltuh billi sallabtuh b’idejn nies ħżiena; imma Alla qajmu billi ħall l-irbit tal-mewt, għax ma setax ikun li hu jinżamm minnha.

Għax David jgħid fuqu, ‘Żammejt lill-Mulej dejjem quddiemi, għax fuq il-lemin tiegħi hu, biex ma nitħarrikx. Għalhekk ferħet qalbi, u mtela bil-hena lsieni; u ġismi wkoll jistrieħ fit-tama li inti ma titlaqx fl-imwiet lil ruħi, u ma tħallix lill-Qaddis tiegħek jara t-taħsir. Inti għarraftni t-triq tal-ħajja, timlieni bil-ferħ quddiemek’.”

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI – Salm 15 – Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Ħarisni, Mulej, għax għandek nistkenn.
Għidt lill-Mulej: “Inti Sidi;
ma għandi ebda hena ħliefek.
Mulej, inti s-sehem ta’ wirti w ta’ xortija.” R/.

Inbierek lill-Mulej, li tani l-fehma;
imqar bil-lejl qalbi tgħallimni.
Dejjem quddiemi żammejt il-Mulej,
għax bih f’leminti ma nitħarrek qatt. R/.

Tifraħ qalbi u tithenna ruħi,
u ġismi jistrieħ fil-kwiet.
Għax inti ma tħallix lil ruħi fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara t-taħsir. R/.

Inti turini t-triq tal-ħajja,
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.

IT-2 QARI – Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu. – 1 Piet 1, 17-21

Għeżież: Jekk intom issejħu Missier lil dak li, bla ma jħares lejn l-uċuh, jagħmel ħaqq minn kulħadd skond l-għemil ta’ kull wieħed, għixu fil-biża’ ż-żmien tal-ħajja li qegħdin tgħaddu f’art barranija. Kunu afu li, mill-ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand missirijietkom, intom kontu mifdija mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-fidda jew id-deheb, imma bid-demm għażiż ta’ Kristu, bħal ħaruf bla ħtija u bla tebgħa.

Hu kien ippredestinat sa minn qabel ma saret id-dinja, imma deher minħabba fikom fl-aħħar taż-żminijiet. Hu bih li intom temmnu f’Alla, li qajmu minn bejn l-imwiet u tah is-sebħ; hekk il-fidi tagħkom hi wkoll tama f’Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.

HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.

Mulej, Ġesù, fissrilna l-Iskrittura;
ħeġġiġilna qalbna, int u tkellimna.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa. – 24, 13-35

Dak in-nhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, sittin stadju ’l bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jistaqsu ’l xulxin, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh.

U hu qalilhom: “X’intom titħaddtu bejnietkom intom u mexjin?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuqhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Int waħdek f’Ġerusalemm il-barrani li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”

“X’ġara?” staqsiehom. Qalulu: “Fuq Ġesù ta’ Nażaret, li kien profeta, setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Israel; iżda mbagħad fuq kollox, ġa għaddew tliet ijiem fuq dawn il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-ġisem tiegħu ma sabuhx, u ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”

Imbagħad qalilhom Ġesù: “Kemm intom bla għaqal u moħħkom tqil biex temmnu dak kollu li qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jgħaddi minn dawn il-ħwejjeġ u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-profeti kollha ifissrilhom kull ma kien hemm fuqu fl-Iskrittura.

Meta qorbu ħdejn ir-raħal fejn kienu sejrin, hu għamel tabirruħu li se jibqa’ sejjer ’il bogħod. Iżda huma riedu jżommuh u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum wasal biex jispiċċa.” Imbagħad daħal joqgħod magħhom.

U waqt li kien fil-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qasmu u tahulhom. Għajnejhom imbagħad infetħulhom u għarfuh, iżda hu kien għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinetx imħeġġa qalbna ġewwa fina waqt li kien qiegħed ikellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”

Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalem. Hemm sabu l-Ħdax u ’l sħabhom miġburin flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”

U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq u kif għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

Il-Kelma tal-Mulej.

Ħsieb tal-Evanġelju minn  Patri Jurgen Cucciardi O.Carm.: [youtube]http://www.youtube.com/watch?v=MoipwpCozjU[/youtube]