Qari u Hsieb ta’ Pentekoste

IT-TIFKIRA SOLENNI TAL-MIĠJA TA’ L-ISPIRTU S-SANTU

L-1 QARI – Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli. – Atti 2, 1-11

Kien nhar Għid il-Ħamsin, u l-appostli u l-aħwa kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, li mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skond ma’ l-Ispritu s-Santu kien jagħtihom li jitkellmu.
Mela f’Ġerusalemm kienu jgħixu xi Lhud twajba, li kienu ġew hemm minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstema’ dan il-ħoss, inġabret ġemgħa ta’ nies, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jisma’ l-appostli jitkellmu bl-ilsien tiegħu.
Dawn mibluhin u mistagħġbin bdew jgħidu: “Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex kollha mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Parti, Medin u Għelamin, nies li ġew mill-Mesopotamja, mill-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, minn Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċirene, dawk li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm proseliti, nies minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!”

Il-Kelma tal-Mulej .

SALM RESPONSORJALI – Salm 103 – Hallelujah.

Bierek, ruħ tiegħi, ’il-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, int kbir bil-bosta!
Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Mimlija hi l-art bil-ħlejjaq tiegħek. R/.

Jekk toħdilhom nifishom imutu,
u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
Meta tibgħat l-Ispirtu tiegħek, jinħalqu;
w inti ġġedded il-wiċċ ta’ l-art. R/.

Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!
Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!
Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,
u jiena nifraħ bil-Mulej. R/.

IT-2 QARI – Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. – 1Kor 12, 3b-7, 12-13

Ħuti: Ħadd ma jista’ jgħid ‘Ġesù hu l-Mulej’ jekk mhux imqanqal minn spirtu qaddis. Hemm imbagħad diversi doni, imma wieħed hu l-Ispirtu; hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd. Lil kull wieħed tingħata d-dehra ta’ l-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd.
Għax bħalma l-ġisem hu wieħed, u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed.
Il-Kelma tal-Mulej.

SEKWENZA

Spirtu s-Santu, ejja fina,
raġġ ta’ dawl qaddis agħtina,
xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.

O Missier il-foqra tiegħek,
inti ġġib id-doni miegħek,
tagħni b’dawlek qalb l-ulied.

Inti l-aqwa faraġ tagħna,
fik kull hena x’ħin tkun magħna,
tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.

Fl-agħja, lejn is-serħ twassalna;
jekk imħeġġa wisq, trażżanna;
mill-għajnejn tixxotta d-dmugħ.

O dawl hieni ta’ qdusija,
nitolbuk li bik mimlija
tkun il-qalb ta’ kull fidil.

Mingħajr dawlek li jmexxina
ebda ħajr ma jkun hemm fina,
ebda safa fl-għemil.

Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,
fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,
lill-miġruħ agħtih fejqan.

Rattab fina l-ebusija,
agħti lill-berdin bżulija,
għin fit-triq lil min beżgħan.

Agħti s-seba’ doni tiegħek
lil min jimxi fidil miegħek
u li fik jistrieħ kull ħin.

Agħti ’l kull virtù sabiħa
ħlas ta’ salvazzjoni sħiħa,
agħti l-ġenna lit-tajbin.

Amen. Hallelujah.

VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.

Ejja, Spirtu s-Santu,
imla l-qlub tal-fidili tiegħek
u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. – Ġw 20, 19-23

Dak il-Ħadd filgħaxija, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù w qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Il-paċi magħkom!”
Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw ’il-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Il-paċi magħkom! Kif Missieri bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom.”
Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu: id-dnubiet ta’ dawk li taħfru jkunu maħfura, u d-dnubiet ta’ dawk li żżommu jkunu miżmuma.”

Il-Kelma tal-Mulej.

 

Ħsieb tal-Evanġelju minn  Patri Jurgen Cucciardi O.Carm.: [youtube]http://www.youtube.com/watch?v=Q2HZ_ATjF5U[/youtube]