Qari u ħsieb tal-Ħames Ħadd tal-Għid

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”         Il-Ħames Ħadd tal-Għid

 

ALLA TA’ ĠESÙ KRISTU

 

L-1 QARI – Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli. – 6, 1-7

F’dawk il-jiem, billi n-numru tad-dixxipli kien qiegħed jiżdied, sar xi tgergir mill-Hellenisti kontra l-Lhud, għaliex, kif bdew jgħidu huma, ma kienx qiegħed jittieħed ħsieb tar-romol tagħhom fit-tqassim ta’ kuljum.

Għalhekk it-Tnax sejħu l-ġemgħa tad-dixxipli u qalulhom: “Mhux sewwa li aħna nħallu l-kelma ta’ Alla biex naqdu fl-imwejjed. Mela, l-aħwa, agħżlu minn fostkom sebat irġiel li għandhom isem tajjeb u li huma mimlija bl-Ispirtu u bil-għerf, u nħallu din il-ħidma f’idejhom. U aħna nibqgħu mogħtijin għat-talb u għall-ministeru tal-kelma.”

Dan il-kliem għoġob lill-ġemgħa kollha, u għażlu lil Stiefnu, raġel mimli bil-fidi u bl-Ispirtu s-Santu, ’il Filippu, ’il Prokoru, ’il Nikanor, ’il Timon, ’il Parmenas, u ’l Nikola, proselitu minn Antjokja. Lil dawn ressquhom quddiem l-appostli, li , wara li talbu, qiegħdu jdejhom fuqhom.

U l-kelma ta’ Alla kienet tikber: in-numru tad-dixxipli kien jiżdied ħafna f’Ġesuralem, u bosta mill-qassisin kienu jilqgħu l-fidi.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI  –Salm32

Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

Għannu bil-ferħ, o ġusti, lill-Mulej;
lin-nies sewwa tixraq il-foħrija;
faħħru ’l-Mulej biċ-ċetra,
għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi. R/.

Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kull ma għamel kollu fedeltà;
iħobb is-sewwa u l-ġustizzja,
u t-tjieba tal-Mulej imliet l-art. R/.

Araw, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jħallihom jgħixu fi żmien il-ġuħ. R/.

IT-2 QARI – Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu. – 1 Piet 2, 4-9

Għeżież: Ersqu lejn Ġesù, li hu l-ħaġra ħajja, mormija mill-bnedmin imma magħżula u għażiża għal Alla. Inbnew intom ukoll, bħal ħaġar ħaj, f’dar spiritwali u saċerdozju qaddis, biex toffru vittmi spiritwali li jkunu jogħġbu lil Alla b’Ġesù Kristu. Għax hekk hemm miktub fl-Iskrittura, “Jiena nqiegħed f’Sijon ġebla tax-xewka, magħżula u prezzjuża; min jemmen fiha ma jkollux għax jistħi.”

Għalikom, mela, li temmnu, hu dan il-ġieh; waqt li għal dawk li ma jemmnux din l-istess ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka, ġebla li twaqqa’ u ħaġra li tfixkel. Huma jitfixklu, għax ma joqogħdux għall-kelma ta’ Alla, għalkemm kienu mhejjija għaliha. Imma intom ġens maħtur, saċerdozju regali, nazzjon qaddis, poplu miksub minn Alla, biex ixxandru l-għemejjel sbieħ ta’ dak li sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb.

Il-Kelma tal-Mulej.

HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.

Jiena hu t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja, jgħid il-Mulej;
ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux bija.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. – Ġ14, 1-12

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna għamajjar; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi, biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha.”

Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?” Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux bija. Kieku għaraftu lili, kontu tagħarfu wkoll ’il Missieri. Minn issa ’l quddiem tagħarfuh u rajtuh.”

Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina.” Ġesù wieġbu: “Ili daqshekk magħkom u int, Filippu, għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier ukoll. Kif tasal int li tgħid “Urina l-Missier”? Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn rajja, iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed iwettaq l-għemil.

Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier hu fija. Jekk mhux għal ħaġa oħra, emmnuh minħabba fl-għemil stess. Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-għemil li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnu għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier.”

Il-Kelma tal-Mulej.

Ħsieb tal-Evanġelju minn  Patri Jurgen Cucciardi O.Carm.: [youtube]http://www.youtube.com/watch?v=cOnvPPj6rfk[/youtube]